F’laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, b’rabta mal-għanijiet tal-Malta Labour Migration Policy u kif din se topera, intlaħaq ftehim bejn JobsPlus u l-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali biex tħejjija għal dan l-iżvilupp dwar il-ħaddiema barranin li jiġu ngaġġati fl-ekonomija lokali.
Din hi biss laqgħa waħda minn bosta li saru fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, li se tintemm il-Ħadd li ġej.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u t-tmexxija tal-Kunsill.
Din il-laqgħa saret ukoll fl-isfond tal-qbil bejn Jobsplus u l-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali biex jissaħħaħ is-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet.
Il-Ministru Camilleri enfasizza li pajjiżna jrid jassigura li ma jkunx hemm abbużi fis-suq tax-xogħol li, fl-aħħar mill-aħħar, jheddu li tiġi mminata l-kwalità tal-ħajja fil-pajjiż.
“Qed naraw li anke hekk kif qed nipproponu fil-policy stess, inkomplu nsaħħu l-iskills, naraw li f’pajjiżna jkollna aktar ħaddiema li huma mħarrġin u b’dan il-mod finalment ikollna suq tax-xogħol li jkun aħjar u jkollna aktar opportunitajiet anke għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Il-Ministru, Byron Camilleri
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima qal li dan il-ftehim hu pass importanti fit-tisħiħ tas-suq tax-xogħol u l-investiment fil-ħiliet umani.
“Iltqajna biex naqsmu proprju informazzjoni fejn hemmhekk ħa jkollna l-għodda kollha neċessarja biex ikunu jistgħu jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa, abbażi ta’ fatti. Fatti li jagħtuna l-għarfien u l-ħila biex inkomplu naħdmu għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Il-Ministru Clifton Grima
Il-ftehim jaħseb ukoll biex iż-żewġ entitajiet jikkollaboraw flimkien ħalli jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u jħejju għall-opportunitajiet ta’ karrieri ġodda u jagħtu validità lit-tagħlim informali u biex isaħħu s-suq tax-xogħol u l-intelliġenza tal-ħiliet.
Għal-laqgħa attendew ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern, Joyce Dimech, u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali, Jeffrey Pullicino.