Wara li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern waqqaf il-ħruġ ta’ permessi ġodda għall-ingaġġ ta’ ħaddiema bħala food couriers jew xufieri tat-taxis bil-Y Plates, l-aġenzija JobsPlus għaddejja b’serje ta’ spezzjonijiet fuq kumpaniji, li jġibu tali ħaddiema barranin, partikolarment minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea.
Dan anke fl-isfond ta’ allegati abbużi mid-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema, kif kien irrapportat wara li dawk li jqassmu l-ikel mal-kumpanija Bolt Food ukoll ħarġu jipprotestaw riċentament.
Fuq dan, ONE News tkellem ma’ Leonid McKay, il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, li kienet hi li wettqet analiżi tas-suq fejn instab li kien hawn biżżejjed ħaddiema f’dawn is-setturi f’pajjiżna.
McKay ittratta l-ħidma ta’ JobsPlus fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri f’dawn is-setturi speċifiċi u oħrajn, waqt li spjega l-proċess kif ħaddiema barranin, li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropa, se jibqgħu jaħdmu fostna.
“Hemmhekk għedna li mhux se naċċettaw aktar aplikazzjonijiet għal third country nationals, għax m’għandniex labour shortage. U hemmhekk id-deċiżjoni kienet li persuni li mhux qegħdin Malta u qed japplikaw f’dawn il-jobs partikolari ġew irrifjutati kif ukoll persuni oħrajn li diġà qegħdin Malta u qed jagħmlu dak li jsejħulu change of employment, jiġifieri minn driver jew food courier ma’ employer A imur fl-istess jobs ma’ employer B. Dawk qed jiġu rrifjutati. Min-naħa l-oħra, dawk kollha li qed jagħmlu renewal f’dawn il-jobs mal-istess employer, dawk qed jiġu aċċettati.”
McKay sostna li JobsPlus waqqfet kull tip ta’ applikazzjonijiet lill-fleet operators li qegħdin taħt investigazzjoni. Hu żied jgħid li JobsPlus qed tagħmel numru ta’ spezzjonijiet b’mod regolari u f’ħinijiet differenti u tenna li l-aġenzija kellha tinvestiga aktar fil-fond dwar l-allegati abbużi.
“Hemmhekk iltqajna b’mod immedjat ma’ dawn il-food couriers, flimkien mad-DIER, fejn ridna nifhmu aħjar x’kienu d-diffikultajiet u l-problemi li jiltaqgħu magħhom. U proprju minn hemmhekk, JobsPlus bdiet tinvestiga, marret għand min jimpjega dawn il-food couriers – il-fleet operators – tlabna d-dokumenti kollha, inkluż anke l-payslips, biex inkunu nafu kemm qed jitħallsu, kif qed jitħallsu, kemm qegħdin jaħdmu sigħat biex huma jieħdu dik il-paga. U bħalissa, dak li JobsPlus qed tagħmel.”
Meta mistoqsi dwar barranin minn pajjiżi terzi li jridu jiġu jaħdmu fostna, hu tenna li hemm bżonn single permit, li għalih ukoll hemm bosta proċessi u kriterji li jridu jintlaħqu.
“Biex persuna third country national barra mill-Unjoni Ewropea tiġi taħdem u tgħix f’Malta, għandha bżonn single permit. U s-single permit, biex tiksbu, hemm proċess u parti mill-proċess tidħol JobsPlus biex tiċċekkja, l-ewwel u qabel kollox, jekk il-persuna hux addattat dak il-job li qed japplika għalih, jekk l-employer huwiex leġittimu jew regolari jew le u jekk is-suq tax-xogħol f’Malta għandux bżonn dak il-job jew le.”
Hu saħaq li l-istess ħaddiema barranin, li riedu jiċċaqilqu minn employer għall-ieħor f’setturi fejn twaqqfu l-applikazzjonijiet ġodda, jew dawk li kienu interessati jiġu jaħdmu fihom, issa qed jiġu avviċinati biex jikkunsidraw xogħol f’setturi oħrajn.
“Int kellek dawk li ġew irrifjutati u għadhom ma missewx mas-suq tax-xogħol f’Malta u dawk li ġew irrifjutati qed ibiddlu employer għal ieħor. F’dawn is-sitwazzjonijiet fejn diġà qegħdin Malta, JobsPlus mill-ġimgħa l-oħra ’l hawn, għamlet kuntatt mal-istess persuni fejn qed toffri l-job advisory services biex hi tiggwidahom anke jekk iridu jsibu xogħol alternattiv f’areas oħrajn, li skont JobsPlus u anke Identità naraw li hemm labour shortage.”