Il-premju ‘B’Ħilti Wasalt’ jirrikonoxxi persuni li minkejja l-isfidi f’ħajjithom, baqgħu jissieltu biex mhux biss itejbu ħajjithom, iżda li jagħmlu differenza f’ħajjet ħaddieħor.
F’cerimonija fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta, Joan Agius qalet li matul ħajjitha ħadmet biex persuni b’diżabilità, dawk li huma vulnerabbli, ġenituri waħedhom, persuni anzjani u oħrajn ta’ ħtiega fil-komunità jiksbu d-drittijiet tagħhom.
Din il-vokazzjoni ġejja wkoll mill-fatt li t-tfulija tagħha ma kinitx ward u zahar. Trabbiet f’familja kbira u saħanistra żżewġet ta’ 15-il sena. Madankollu, minn omm żagħażugħa magħrufa minn ftit nies, Joan spiċċat għal 16-il sena bħala Viċi Sindku taż-Żejtun, kif ukoll president tal-Kidz Club taż-Żejtun. Fl-eta’ ta’ ħamsin sena, kisbet diploma fl-Istudji tax-Xogħol mill-Università ta’ Malta.
F’kummenti ma’ one.com.mt, qalet li l-pjan wara dan il-premju, li ma kinitx qed tistenna, huwa li meta tirtira minn xogħolha tmur taħdem fil-missjoni.