Il-Professur Joachim James Calleja ġie kkonfermat bħala l-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. B’hekk huwa se jkun qed imexxi l-Kulleġġ għal terminu ieħor. Huwa ilu jservi l-kariga tal-Kap Eżekuttiv tal-MCAST minn Ġunju tal-2018.
Fi stqarrija maħruġa mill-MCAST intqal li Prof. Calleja ilu involut fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fil-fatt qabel beda jokkupa din il-kariga, huwa kien id-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali bejn l-2013 u l-2018. Prof. Calleja serva wkoll is-Segretarju Permaneti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol bejn l-2011 u l-2013.
Fl-2018 huwa kien elett bħala President tal-Forum Ewropew għall-Edukazzjoni Vokazzjonali u Teknika, kariga li Prof. Calleja reġa’ kien ikkonfermat fiha, matul is-sena li għaddiet.
Huwa kien l-ewwel Direttur Aministrattiv tal-MCAST qabel ma mar Turin fil-Fondazzjoni Ewropea, fl-2004.
Prof. Calleja ħadem ukoll fil-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali, fi ħdan l-Università ta’ Malta, fl-Istitut tal-Ġnus Magħquda għall-Anzjanità, kif ukoll fil-Ministeru għas-Servizz Ekonomiċi. Huwa rrappreżenta wkoll fil-European Qualifications Framework Advisory Group.