Tul dawn l-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi naddaf madwar elf u erba’ mitt tunnelata ta’ skart mill-mina li tikkontrolla l-għargħar.
Din il-mina li hija twila 9 kilometri tgħaddi bejn Ħ’Attard u l-Gżira.
Il-Perit Carm Mifsud Borg qal kif dan it-tindif huwa importanti sabiex din il-mina tiffunzjona kif suppost.
Huwa spjega: “L-ewwel nibdew it-tindif fejn jinġabar materjal speċjalment meta jkun ir-riħ, jaqa’ ħafna weraq u jkun hemm kostruzzjonijiet għaddejjin iħamġu t-toroq, kollox jispiċċa ġo dawn il-mini għax jitkaxkar. Importanti ħalli dawn il-mini jaħdmu sew għax inkella jekk jibda jżomm l-ilma ma jibdewx jaħdmu kif suppost sabiex jaħdmu kif suppost.”
Il-Perit Mifsud Borg qal kif kull sena jsir tindif f’din il-mina, fejn imbagħad joħorġu rapport dwar l-iskart li jkun inġabar minn ġewwa din il-mina.
Anthony David Brincat, il-manager tal-operazzjonijiet f’din il-mina spjega kif dan l-impjant li jgħaddi minn diversi lokalitajiet f’pajjiżna jżomm l-ilma f’ġibjun sabiex jibqa’ jinżamm għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Is-Sur Brincat stqarr: “L-ilma jinġabar, ikun qed iservi bħala reservoir u imbagħad li nagħmlu aħna huwa li nerġgħu ntellgħuh il-Gżira, għandna ngħidulu aħna ġibjun li ngħidulu aħna bla qiegħ, jiġifieri biex inti jkun jista’ jmur jippenetra fil-water table biex aħna naħsbu għal ta’ warajna biex ikollhom l-ilma fil-pjan.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal kif dan il-proġett li tlesta ħames snin ilu qal ikun bżonn li ssir manutenzjoni u t-tindif sabiex tibqa’ taħdem bl-aħjar mod.
Il-Ministru Borg sostna: “Dan l-investiment li kien sar ma jkunx qed jitħaddem bl-aħjar mod jekk inti ma tnaddafx, jekk inti ma tiżġurax li sena wara oħra jkollok il-kapaċità massima ta’ ilma, li mina bħal din tista’ tilħaq.”
![pr201653a](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/09/17233653/pr201653a-585x406.jpg)
![pr201653b](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/09/17233648/pr201653b-585x406.jpg)
![pr201653c](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/09/17233643/pr201653c-585x398.jpg)
![pr201653d](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/09/17233638/pr201653d-585x406.jpg)
![pr201653e](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/09/17233634/pr201653e-585x406.jpg)