Ġew fi tmiemhom is-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu b’kuxjenza kontra l-vjolenza domestika bit-tema ‘Nieqfu flimkien, flimkien infiequ’. Din il-kampanja kienet imtella’ bejn il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru.
Tul dawn il-jiem, saru diversi attivitajiet fil-komunità li nkludew anke sketches qosra għal aktar għarfien dwar is-suġġett u kif għandhom jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn. Dawn l-attivitajiet, magħrufin aħjar bħala roadshows, saru f’ħames lokalitajiet differenti fosthom Ir-Rabat, San Pawl il-Baħar, iċ-Ċittadella, il-Fgura u l-Gżira.
It-Tnejn filgħodu ġiet mtella’ diskussjoni bejn dawk kollha li jħabbtu wiċċhom ma’ diversi sitwazzjonijiet u anke li jaħdmu ma’ dawk li jagħddu minn vjolenza domestika.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan semmiet kif din il-kampanja kienet waħda li ħalliet il-frott, pero’ huwa wkoll importanti biex ikunu ndirizzati dawn il-problemi, fejn anke hemm bżonn ta’ edukazzjoni akbar.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li hemm bżonn impenn li għandu jsir mis-soċjetà. Qal li kien hawn żmien fejn kien hawn tabu’ li kienu anke jaħbu dawn il-problemi u saħansitra kienu jqisu li huma l-problema. Semma kif anke kull min ikun f’pajjiżna, irid ikun kontra l-vjolenza domestika u ma tkunx xi ħaġa aċċettata. Fakkar f’dak li jagħddu anke minnu t-tfal id-dar, fejn dan jibqa’ ttimbrat f’moħħhom u għalhekk irid ikun hemm protezzjoni tat-tfal b’saħħitha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet kif isir xi jsir, dejjem jibqa’ xi jsir. Qalet li għandhom l-obligu morali u legali biex jgħinu lill-vittmi kif ukoll jaraw li dawk li jagħmlu vjolenza domestika, ikunu anke edukati u jaraw li jkunu ikkastigati kif hemm bżonn. Qalet li huwa għalhekk importanti l-edukazzjoni lil kulħadd biex jitwassal il-messaġġ lil kulħadd, fejn anke jiżdiedu d-diskussjonijiet bejn diversi entitajiet u anke kulħadd.
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet kif m’għandha tieqaf qatt id-diskussjoni biex jibqa’ jitmexxa l-momentum. Semmiet ir-roadshows li saru, fejn huwa tajjeb li dawn jibqgħu isiru matul is-sena kollha flimkien ma’ anke aktar għaqdiet li jaħdmu mal-persuni li jagħddu minn vjolenza domestika. Qalet kif anke trid tibqa’ titfakkar l-għajnuna li hemm disponibbli, fejn anke sar xogħol kbir, fejn anke qed ikomplu jiġu mplimentati diversi inizzjattivi. Huwa għalhekk li flimkien iridu jibqgħu ikunu t-tarka ta’ dawk vulnerabbli u li jkunu għaddejjin minn dawn il-weġġħat, fejn kulħadd għandu d-dritt tal-imħabba mingħajr l-ebda vjolenza domestika.