It-Tnejn filgħodu ġew rrappurtati nirien fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Fast Ferry.
L-inċident seħħ ftit ‘il barra mill-Port tal-Imġarr Għawdex.
Immedjatament fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f’Għawdex sabiex jitfu n-nirien li kienu żviluppaw.
Preżenti fuq il-post kien hemm ukoll il-lanċa tas-salvataġġ Melita 2 tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li l-kaptan tal-vapur irnexxielu jidħol bil-lanċa sal-moll fejn sab jistennewh il-ħaddiema tas-salvataġġ li telgħu fuq il-lanċa sabiex jikkontrollaw in-nirien li żviluppaw ħdejn il-magni.
Ħadd ma jidher li weġġa’ f’dan l-inċident.
Intant, il-kumpanija Gozo Fast Ferry spjegat fi stqarrija li l-passiġġieri kollha ġew evakwati b’mod sigur filwaqt li bħalissa għaddejja investigazzjoni interna sabiex tiġi determinata l-kawża wara n-nirien.
Il-kumpanija skużat ruħha ta’ kull inkonvenjent li seta’ nħoloq u ħabbret li aġġornat il-ħinijiet fuq l-iskeda ta’ vjaġġi.