F’aktar tentattivi għal-logħob partiġjan u biex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tiskorja l-punti politiċi, anki l-midja Nazzjonalista spiċċat titħawwad u tqarraq bil-fatti.
Bit-titlu ‘Niżvelaw – tissejjaħ laqgħa urġenti tal-MCESD’, ta’ NET News dehru li skoprew l-Amerka jew aħjar żvelaw aħbar meta fil-fatt ġurnata qabel kien il-Prim Ministru stess li ħabbar li talab liċ-Chairman tal-MCESD, il-Perit David Xuereb biex ilaqqa’ laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jaġġorna lill-imsieħba soċjali fuq l-isfidi klimatiċi kurrenti, dwar l-enerġija u x-xogħlijiet li se jsiru biex ikomplu jsaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega dan fuq twitter tant li l-midja kollha rrappurtat dan fil-jum tat-Tlieta ħlief ta’ NET News li mbagħad illum qed jagħtu impressjoni b’oħra.
Dan l-istess bħal ta’ NET News għamlu l-ġimgħa l-oħra fejn qalu li se jkun hemm laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista li fil-fatt tlaqqa’ biex japprova tliet kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Wara dik il-laqgħa, ‘silenzio stampa’ mill-midja Nazzjonalista orkestrata mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino li qed jimxi fuq struzzjonijiet ċari tal-establishment.
Mill-istamperija l-messaġġ qed ikun ċar lil Bernard Grech daqs anki lil ta’ taħtu, jiġifieri tal-midja Nazzjonalista.
“Ħawdu fil-borma u xerrdu li tridu, basta nieħdu xi ħaġa minnha.”
Dan b’referenza għal-logħob partiġjan u logħob gallarija li qed jagħmel Bernard Grech f’tentattiv li jiskorja punti politiċi.