Dak li sa ftit jiem ilu kien it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista żvela li b’mod intern kien semma tnejn minn-nies li kien issuspetta li qed jillikjaw l-informazzjoni sensittiva mill-Partit Nazzjonalista.
Issa, qal David Camilleri, dawn l-istess tnejn minn nies qegħdin jappoġġjaw il-vot ta’ sfiduċja fil-Kap, Adrian Delia.
Għalkemm ma jsemmix nies b’isimhom imkejjen fil-Partit Nazzjonalista indikawlna li wisq probabbli qed jirreferi għal nies li huma iktar minn sempliċi membri ordinarji tal-eżekuttiv. U mhux eskluż li jinkludu jew huma membri tal-grupp parlamentari.
Saħansitra, Camilleri indika li fil-laqgħat kienu jgħidu mod, biex wara jgħidu mod ieħor.
Fuq facebook David Camilleri kiteb: “Waqt il-laqgħat tisma’ ħafna kliem kontra l-leaks u kemm għandna naħdmu u nkunu magħqudin m’għand l-istess nies.”
It-Tnejn Camilleri żied jikteb li “kumbinazzjoni, illum l-istess tnejn minn nies iddikjaraw pubblikament li qegħdin jappoġġjaw vot ta’ sfdiduċja fil-Kap.”
Qal li huma qed jgħidu li għamlu dan għall-ġid tal-partit u tenna. “Anke l-leaks għall-ġid tal-partit kienu hux hekk?”
David Camilleri saħaq li messu kellhom id-diċenza li jiktbu fil-mozzjoni li jekk il-kap ikollu l-maġġoranza tal-voti favurih għal darb’oħra huma se jieqfu jagħmlu l-ħsara.
“Ħsara li ilhom jagħmlu għal sentejn sħaħ,” kiteb Camilleri fi status fejn ma tantx dar mal-lewża. Filwaqt li temm jgħid kif imbagħad it-tort tar-riżultat elettorali jintefa’ fuq il-kap u mhux fuqhom.
Il-kitba ta’ Camilleri kienet milqugħa b’reazzjoni mħallta. Min attakka lill-grupp ta’ Delia u min għamilha ċara li No Delia, No Vote.