Is-Sindku Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea, żgwida lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill meta, f’laqgħa l-ġimgħa l-oħra, ta informazzjoni totalment skorretta dwar kuntratt għal tindif ta’ latrini pubbliċi.
Waqt li l-eks Ministru ta’ żmien GonziPN iddikjara li s-Soċjetà Mużikali San Pawl kienet ġiet notifikata b’mod uffiċjali mill-kunsill, fil-kapaċità tagħha ta’ kuntrattur responsabbli mit-tindif tal-latrini pubbliċi, li s-servizzi tagħha kienu qed jitwaqqfu, jirriżulta li dan ma kienx minnu.
Mistoqsi mill-Minority Leader Alfred Grima, waqt il-laqgħa tal-Kunsill, dwar jekk il-kuntrattur kienx ġie avżat b’mod uffiċjali, Ċensu Galea wieġeb fl-affermattiv f’żewġ okkażjonijiet.
Minkejja dan, korrispondenza li għandu f’idejh ONE News turi bil-fatti li dan ma seħħx.
Tali atteġġjament irresponsabbli wassal biex il-maġġoranza tal-kunsillieri vvotaw favur proposta mressqa mis-Sindku biex jitnaqqas l-ammont ta’ 50% mill-bilanċ dovut lis-Soċjetà Mużikali ta’ San Pawl.
Jirriżulta wkoll li dan ma kienx każ iżolat fil-konfront tal-istess soċjetà mużikali mindu ġie elett kunsill ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista seba’ xhur ilu, b’kejl żbilanżjat użat anke dwar sempliċi tiżjin tal-Milied.
Id-double standards ta’ Ċensu Galea joħorġu mill-fatt li naqas milli jaġixxi bl-istess mod fil-konfront ta’ kuntratturi oħrajn dwar l-istess tiżjin, b’dannu finanzjarju għall-istess għaqda volontarja.
Din l-imġieba ta’ Galea diġà qed tqajjem rabja kbira fil-lokalità wara biss ftit xhur imexxi l-lokalità.
F’Diċembru li għadda hu wkoll kiser il-Liġi tal-Kunsilli meta baqa’ ma sejjaħx għal-laqgħa, kif inhu obbligat, biex jippreżenta l-baġit u l-pjan ta’ ħidma għal din is-sena.
Fl-2017, fi żmien li bintu Graziella Galea, illum Deputata Parlamentari, kienet ukoll is-Sindku tal-lokalità, kien feġġ diżgwid enormi li wassal għar-riżenja tagħha biex tevita vot ta’ sfiduċja.
Ta’ min ifakkar ukoll li l-ipokrezija ta’ Ċensu Galea bbrillat ukoll xhur qabel ġie elett fil-kunsill.
Dan meta fis-sajf tal-2023 inqabad jikkritika applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar art fil-Manikata, li kien diġà magħruf li ma kinitx se tintlaqa’, iżda fl-istess ħin kien qed japplika, f’isem il-klijenti tiegħu, biex tiġi żviluppata art ODZ fil-Bidnija, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, għall-bini ta’ żewġ vilel bil-pools.
Aqra aktar: