Matul is-sena akkademika 2019-2020, l-istudenti li komplew jistudjaw f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji żdiedu b’aktar minn tlieta fil-mija meta mqabbla mas-sena akkademika ta’ qabel.
Fil-fatt, it-total ta’ studenti li studjaw f’dawn iż-żewġ livelli ta’ edukazzjoni tul is-sena akkademika li rat il-bidu tal-pandemija, kien ta’ sitta u għoxrin elf, sitt mija u tlieta u sebgħin student.
L-istudenti li studjaw fi skola post-sekondarja kienu jgħoddu għal disat elef, sitt mija u għoxrin, filwaqt li kien hemm aktar minn sbatax-il elf student jistudja f’livell terzjarju.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fi statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wriet kif l-iktar suġġetti popolari fost studenti vokazzjonali f’livell post-sekondarju, kienu dawk tas-servizzi, is-saħħa u n-negozju.
Fejn tidħol l-edukazzjoni terzjarja, il-maġġoranza tal-istudenti, li kienu tfajliet u nisa, segwew kors f’livell ta’ Baċellerat, segwiti minn studenti li bdew Masters.
Sitta u sittin fil-mija tal-istudenti f’livell terzjarju kienu qed jistudjaw full-time u l-kumplament part-time.
L-istatistika wriet ukoll żieda sinifikanti ta’ aktar minn ħmistax fil-mija ta’ studenti li għażlu li jsegwu xi kors part-time f’livell terzjarju.