L-ammont ta’ persuni li qagħdu f’forom kollettivi ta’ akkomodazzjoni, bħal lukandi, fl-aħħar kwart tal-2018, żdied bi 3.8% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2017.
Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-aħħar kwart tal-2018, 449, 749 akkomodazzjoni kienu okkupati għal total ta’ 2.2 miljun lejl. L-NSO qal li akkomodazzjonijiet tal-erba’ stilel kienu l-aktar popolari, hekk kif dawn kienu okkupati għal aktar minn 1.1 miljun lejl, jiġifieri kważi nofs l-ammont ta’ ljieli.
L-NSO qal ukoll li persuni qagħdu Malta jew Għawdex medja ta’ aktar minn 4.8 lejl tul l-aħħar kwart tal-2018.
Tul dan l-istess perjodu, Malta laqgħet aktar minn 429,478 persuna, żieda ta’ 4.4% meta mqabbel mal-istess xhur tal-2019
Għawdex laqa’ 20,271 persuna tul dan il-perjodu, filwaqt li 66,669 persuna għażlu lil Kemmuna bħala sit għal-btala tagħhom.
B’kollox, bejn Jannar u Diċembru tal-2018, żewġ miljun persuna żaru l-Gżejjer Maltin, żieda ta’ 8.4% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Fl-istess ħin, l-ammont ta’ ljieli li dawn il-persuni qattgħu Malta żdied b’5.6% u qabeż l-għaxar miljun lejl.