Matul it-tieni kwart tal-2023, l-għadd ta’ permessi tal-bini maħruġin kien ilaħħaq l-494 għal total ta’ 2,453 residenza ġdida.
Dan ħareġ minn ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ġie spjegat li meta mqabblin mal-istess żmien tas-sena taʼ qabel, kien hemm żieda taʼ 12.8 fil-mija fʼdawn il-permessi, filwaqt li n-numru taʼ residenzi ġodda approvati żdied bʼ9.5 fil-mija.
Il-permessi mgħoddija kellhom medja taʼ ħames residenzi.
Il-biċċa l-kbira tar-residenzi approvati fit-tieni kwart tal-2023 kienu appartamenti; warajhom kien hemm penthouses, maisonettes, terraced houses u unitajiet residenzjali oħrajn.
L-appartamenti ammontaw għal 70.9 fil-mija tar-residenzi kollha approvati.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2022, in-numru taʼ residenzi ġodda approvati fʼMalta żdied bi 18.7 fil-mija, mentri dak fʼGħawdex u Kemmuna naqas bʼ24.6 fil-mija.
L-akbar numru taʼ residenzi ġodda approvati kien fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port (642), filwaqt li l-iżgħar numru kien fid-Distrett tal-Punent.
L-akbar numru taʼ residenzi ġodda ġew approvati fʼSan Pawl il-Baħar b’178. Warajhom, hemm dawk fil-Mosta b’163, Ħal Qormi b’107, il-Mellieħa b’103 u l-Imsida b’101.