Komplew jiżdiedu l-Maltin li jemmnu li l-Gvern qed jamminstra s-sitwazzjoni ekonomika u medika fir-rigward tal-imxija tal-Coronavirus b’mod tajjeb.
Fl-aħħar stħarriġ li għamlet it-Times, joħroġ li 73% b’mod jew ieħor għandhom fehma li l-Gvern qiegħed jamministra l-ekonomija b’mod tajjeb f’dan iż-żmien, żieda ta’ punt perċentwal mill-aħħar stħarriġ ħmistax ilu.
Dawn jinqasmu fi 33% li għandhom fehma pożittiva u 40% li għandhom fehma pożittiva ħafna.
Fuq il-parti medika, l-istħarriġ juri li 83% tal-Maltin għandhom fehma pożittiva fuq kif qed tiġi amministrata s-sitwazzjoni tas-saħħa.
Dawn jinqasmu f’29% li esprimew fehma pożittiva u 54% b’fehma pożittiva ħafna.
Fl-istħarriġ joħroġ ukoll li żewġ terzi tal-Maltin għandhom rashom mistrieħa mill-impjieg tagħhom. Dan juri li l-miżuri li ħa l-Gvern u li ġew imfaħħra minn istituzzjonijiet Ewropej u aġenziji ta’ kreditu, ħallew l-effett meħtieġ fuq il-Maltin u l-Għawdxin.
L-istħarriġ juri wkoll qabża ta’ 17% fil-Maltin li qegħdin joħorġu jixtru. Iċ-ċifra kkwotata mill-gazzetta l-Ħadd filgħodu kienet ta’ 25% meta mqabbla ma’ 8% ħmistax-il ġurnata ilu.
Dan juri li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-ħwienet u t-tnaqqis ta’ każijiet ġodda qegħdin jixprunaw kunfidenza fil-konsumatur sabiex jixtri mill-ħwienet.