Il-kuntratti ffirmati fuq bejgħ ta’ proprjetà f’Novembru reġgħu żdiedu kemm meta mqabbel ma’ xahar qabel u anki ma’ Novembru ta’ sena ilu.
Anki l-konvenji ffirmati żdiedu fil-ħdax-il xahar ta’ din is-sena meta mqabbla ma’ xahar qabel u ma’ Novembru ta’ sena ilu.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
F’Novembru li għadda ġew iffirmati 1,324 kuntratt ta’ proprjetà.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, dan in-numru fisser żieda ta’ 363 kuntratt iktar mill-istess xahar tas-sena l-oħra u 167 kuntratt iżjed minn Ottubru li għadda.
L-NSO qal ukoll li matul ix-xahar li għadda saru 1,251 konvenju li fisser 208 konvenji iżjed minn Novembru ta’ sena ilu.
Meta imbagħad Novembru li għadda jitqabbel ma’ xahar qabel, in-numru ta’ konvenji tela’ b’160.
Il-valur tal-proprjetà mibjugħa f’Novembru li għadda laħħaq il-€293.3 miljun.
Dan il-valur kien kważi 64% iżjed minn sena ilu.
Ftit iktar minn 93% tal-proprjetà mibjugħa kienet tinvolvi nies individwali bħall-koppji li xtraw l-ewwel dar tagħhom.
€259.3 miljun kien il-valur tal-proprjetà mibjugħa lill-persuni individwali, li fisser li aktar minn 88% tal-valur tal-proprjetà mibjugħa f’Novembru kienet għall-persuni individwali.
L-akbar ammont ta’ proprjetà mibjugħa kienet fir-reġjun t’Għawdex u fir-reġjun li jiġbor fih il-lokalitajiet ta’ Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Marsaxlokk fost oħrajn.
Meta niġu għall-konvenji, Għawdex ukoll kien l-iktar reġjun li fih kien hemm ftehim fuq proprjetà apparti r-reġjun li jiġbor fih il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.