F’Malta u fid-dinja, qed jiżdied il-fenomenu tal-vjolenza domestika mill-ulied fuq il-ġenituri tagħhom.
Dan ħareġ f’konferenza bit-tema ‘Focus on Child-to-Parent Violence’, li ġiet organizzata bħala parti mis-sittax-il jum tal-kampanja bit-tema ‘Il-Vjolenza Domestika hi Affari ta’ Kulħadd’.
Ċifri li kiseb ONE News juru li,fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, irreġistrat 15-il każ ta’ vjolenza domestika mill-ulied fuq il-ġenituri tagħhom.
Dwar dan, fil-konferenza, li hi attività annwali tal-FSWS, tkellmet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg li nnutat kif ir-riċerka dwar dan għadha fi stadju bikri.
Qalet, “Il-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri hija fenomenu li qed jiżdied, mhux biss f’pajjiżna iżda anke madwar id-dinja kollha. Minkejja dan, ir-riċerka xorta għadha fi stadju bikri, imma mill-istatistika li hemm qed naraw li 40 fil-mija ta’ dawn il-każijiet mhux qed jiġu rrappurtati. Aħna, bħala Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika, qed insaħħu l-kampanji ta’ għarfien f’dan ir-rigward sabiex nilħqu l-ġenerazzjonijiet żgħar biex nuruhom li l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli.”
Fil-preżenza ta’ bosta ħaddiema u professjonisti li ta’ kuljum jaħdmu ma’ vittmi jew aggressuri, intqal li l-FSWS qed tinvesti bis-sħiħ sabiex isaħħaħ is-servizzi tagħha kontra din il-pjaga fis-soċjetà.
Fil-fatt, il-Fondazzjoni għandha total ta’ 52 ħaddiem li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika.
Ċifri oħra juru li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, 1,535 persuna għamlu kuntatt mad-Domestic Violence Unit fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Din it-taqsima hija l-post fejn isir l-ewwel kuntatt minn persuna li tkun tixtieq l-għajnuna b’rabta ma’ vjolenza domestika. Wara li jsir assessjar, skont il-gravità tal-każ, tiġi assenjata persuna professjonista sabiex tkompli ssegwi u tassisti lill-vittma.
Min-naħa l-oħra, minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena, l-FSWS ħadmet ma’ 95 aggressur li fittxew l-għajnuna biex ibiddlu l-imġiba vjolenti tagħhom. Mix-xahar li għadda dan is-servizz beda jingħata wkoll mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dawk li jsofru minn vjolenza domestika u jkollhom jitilqu minn darhom u ma jkollhomx post alternattiv fejn joqogħdu jistgħu jsibu kenn fix-xelter ta’ emerġenza tal-FSWS, ‘Għabex’. Sa Ġunju ta’ din is-sena, dan il-post laqa’ 56 vittma.
Fil-konferenza tal-Ġimgħa filgħodu, kien hemm preżenti wkoll mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, li tkellmet dwar l-importanza tal-edukazzjoni fuq dan is-suġġett.
Qalet, “Nemmen li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika ma tridx issir biss matul dawn is-16-il jum ta’ attiviżmu iżda trid issir matul is-sena kollha. Kuljum jista’ jagħti kontribut biex il-vjolenza domestika titnaqqas. Nemmen ħafna fir-riċerka, u kien hemm riċerka apposta biex naraw x’qed iwassal biex l-aggressur ikun vjolenti. Nemmen ukoll li rridu nedukaw lit-tfal tagħna minn età żgħira.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega illi hemm bżonn ta’ aktar ħidma ħolisitka bejn l-Istat, il-Qrati, u l-Awtoritajiet kollha li jipprovdu protezzjoni lill-vittmi tal-vjolenza domestika.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, u mill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri.