Fl-2016,76,700 student tgħallmu l-Ingliż f’Malta, 1206 iktar mill-2015. B’kull student iqatta’ medja ta’ tliet ġimgħat f’pajjiżna fl-2016
Stħarriġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li Lulju kien l-iktar xahar bieżel għall-iskejjel tal-lingwa Ingliża, li f’dan iż-żmien laqgħu 25% tal-istudenti.
Awissu u Ġunju laqgħu 12% u 11% tal-istudenti rispettivament. L-iktar kors li attira studenti kien l-Ingliż Ġenerali, li ġie mgħallem fl-iskejjel Maltin lil iktar minn 53,000 student. Isegwih hemm il-kors ta’ Ingliż Intensiv li attira tlettax-il elf student. F’Malta jkunu offruti ukoll friegħi oħra tal-lingwa Ingliża.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudenti ġew mill-Italja. Hawnhekk isegwu l-Ġermanja b’erbatax punt tnjen fil-mija, u Franza bi ħdax fil-mija. Kien hemm ukoll studenti li ġew mill-Kolombja, mit-Turkija, u mill-Korea t’ Isfel.