Matul is-sena akkademika 2017-2018, studenti li daħlu biex jistudjaw f’istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji u terzjarji żdiedu b’4.1% meta mqabbel mas-sena akkademika ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika li spjega kif matul is-sena akkademika 2017-2018, l-istudenti li daħlu f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi ammontaw għal 25,628.
Studenti li daħlu fil-post sekondarja ammontaw għal 10,408.
Din fissret żieda t’aktar minn 2.1% mqabbel mas-sena akkademika ta’ qabel.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudenti 85.4% kellhom bejn 15 u d-19-il sena.
Ftit aktar minn 1,000 mill-istudenti li daħlu fil-post-sekondarja kienu barranin.
Studenti li daħlu jistudjaw f’livell terzjarju matul is-sena akkademika 2017-2018 ammontaw għal 15,220.
Dan l-ammont fisser żieda ta’ 5.5% fuq is-sena akkademika ta’ qabel.
L-istudenti nisa kienu fil-maġġoranza filwaqt li 10,825 kienu qed jistudjaw full-time.
Minkejja dan kien hemm żieda ta’ kważi 15% ta’ persuni li daħlu jistudjaw f’livell terzjarju b’bażi part-time.
Il-biċċa ‘l kbira tal-istudenti li daħlu għall-edukazzjoni terzjarja kienu jgħoddu bejn l-20 u l-24 sena.
Warajhom ġew dawk taħt l-20 sena.
L-istudenti barranin li daħlu jistudjaw f’livell terzjarju kienu jgħoddu 1,623.
L-NSO qal ukoll li matul is-sena akkademika 2017-2018, kien hemm 29 ruħ li daħlu f’livell terzjarju u li kellhom minn 65 sena ‘il fuq.