F’Marzu li għadda, fix-xahar li anki l-pandemija kompliet tolqot lill-pajjiżna biż-żieda fil-każijiet ta’ infezzjonijiet, żdied in-numru ta’ persuni jaħdmu full-time bi kważi perċentwal.
Fl-istess ħin naqsu b’aktar min-nofs perċentwal (0.6%), dawk li kellhom l-impjieg prinċipali tagħhom bħala part time.
Skont ċifri ta’ Jobsplus mogħtija lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’Marzu kien hawn 237,671 persuna jaħdmu full-time f’Malta.
Nies jaħdmu full-time żdiedu kemm fis-settur pubbliku u anki dak privat, b’tal-ewwel jara żieda ta’ 1,350 ħaddiem u tat-tieni jesperjenza żieda ta’ 731 ħaddiem.
Dan meta Marzu li għadda jitqabbel ma’ Marzu ta’ sena ilu.
Fis-settur pubbliku fost oħrajn kien hemm żieda qawwija ta’ ħaddiema ingaġġjati fis-settur edukattiv u dak tas-saħħa.
Skont l-NSO, il-ħaddiema full-time li jaħdmu għal rashom żdiedu wkoll b’1,084 persuna.
Iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema full-time l-aktar li ġiet reġistrata kienet fost in-nisa.
Hawnhekk iż-żieda fir-rata kienet ta’ 1.4% filwaqt li tal-irġiel kienet ta’ 0.6%.