F’Awwissu li għadda, l-impjiegi full-time żdiedu b’aktar minn tmintax-il elf, meta mqabbel ma’ Awwissu ta’ sena qabel. Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
In-numru ta’ ħaddiema full-time f’Awwissu tas-sena l-oħra, kien ta’ aktar minn mitejn u ħamsa u sebgħin elf persuna, filwaqt li sena qabel, persuni b’impjieg full time kien hawn madwar mitejn u sitta u ħamsin elf.
Fl-istess xahar, l-attivitajiet ta’ servizz amministrattiv u ta’ sostenn u x-xogħlijiet marbuta mas-servizzi tal-akkomodazzjoni u l-ikel kienu l-aktar li wasslu għaż-żieda fix-xogħol meta mqabbel ma’ Awwissu ta’ sena qabel.
Ix-xogħol full-time fis-settur privat żdied b’aktar minn tmintax-il elf u seba’ mitt persuna, għal total ta’ aktar minn mitejn u tlieta u għoxrin elf persuna. Dan filwaqt li l-ħaddiema fis-settur pubbliku kienu jgħoddu għal ftit aktar minn wieħed u ħamsin elf, li jfisser nuqqas ta’ għaxar persuni, meta mqabbel ma’ Awwissu tal-elfejn u tnejn u għoxrin.
Din iż-żieda fl-impjiegi f’pajjiżna ġiet irreġistrata fi żmien ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent kawża tal-gwerra fl-Ukrajna, li wasslet għal kriżi fl-enerġija u inflazzjoni madwar l-Ewropa.