Żiedu l-fondi allokati għall-Malta Film Fund sabiex ikun hemm aktar għajnuna għall-industrija lokali tal-films. Dan tħabbar s-Sibt waranofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kummissjoni Maltija tal-Films il-Kalkara.
Din iż-żieda hija l-ewwel waħda sa’ min meta kien mwaqqaf il-Malta Film Fund, biex b’hekk issa dan qed jammonta għal €300,000. Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-industrija tal-films qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna.
F’Malta u f’Għawdex qed tkun iġġenerata attività ekonomika kbira u qed jinħolqu ħafna mpjiegi ġodda. Apparti mill-impatt importanti tal-ekonomija, l-industrija tal-films taqdi wkoll irwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega li l-idea hija li jkomplu jkun żviluppat it-talent Malti u Għawdxi f’ din l-industrija. Dan qed isir biex anka meta jinġib f’pajjiżna film barrani, il-produzzjoni tal-istess films ikunu jistgħu jingaġġaw ukoll bosta Maltin u Għawdxin. Edward Zammit Lewis qal ukoll li l-Gvern għandu l-ħsieb li din ma tkunx l-aħħar żieda f’ dan il fond.
Minn naħa tiegħu il-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal li Malta qed tattira hafna films internazzjonali, u issa qed isir investiment kbir fit-talent lokali sabiex tinholoq industrija tal-films sostenibbli.