Matul l-2017 MEUSAC assistiet 87 għaqda mhux governattiva, entità tal-gvern u kunsill lokali jiksbu iktar minn €14-il miljun fondi Ewropej. Minnhom, 18% għaddew għal kunsilli lokali u għal għaqdiet Għawdxin. Dan ħareġ mill-ewwel rapport annwali ta’ MEUSAC bħala aġenzija, ippreżentat waqt laqgħa tal-Core Group ta’ MEUSAC.
Ir-rapport kien ippreżentat fl-istess ġimgħa li kien ippubblikat l-aħħar rapport tal-Eurobarometer, li wera li 93% tal-Maltin iħossu li l-Unjoni Ewropea hi ta’ benefiċċju għal Malta. Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwajlanza Helena Dalli qalet li dan ir-riżultat ifisser li l-irwol ta’ MEUSAC – li jqarreb liċ-ċittadin lejn l-istituzzjonijiet Ewropej – qed jaħdem u t-tisħiħ fir-riżorsi ta’ MEUSAC fl-aħħar leġiżlatura, li wasslet biex saret aġenzija, kien investiment siewi. Il-Ministru qalet ukoll li MEUSAC intagħżlet bħala national focal point għall-inizjattiva tal-President Franċiż Macron ‘citizens’ consultation’, li għandha l-għan li tikkonsulta maċ-ċittadini u mhux biss mal-imsieħba soċjali.
Dr Dalli qalet li pajjiżna hu ta’ eżempju għall-istati membri l-oħrajn għax il-Maltin ma tbegħdux mill-Unjoni Ewropea, kif wera l-Eurobarometer.
Waqt il-laqgħa ta’ MEUSAC kienet diskussa wkoll il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, fejn il-Ministru Helena Dalli qalet li importanti li d-diskussjoni fuq livell nazzjonali mal-imsieħba soċjali dwar il-proposta tibda minn stadju bikri għax id-dibattitu fuq skala Ewropea beda fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li issa li bdew in-negozjati mal-EU għall-Budget tal-UE 2021-2027, pajjiżna jrid ikompli jitlob għajnuna għall-konsolidazzjoni tas-suċċess ekonomiku li għandna preżentament biex inkomplu nirnexxu fis-suq waħdieni. Qal li l-prijoritajiet tiegħu huma l-politika ta’ koeżjoni, l-immigrazzjoni, is-sigurtà, Erasmus+ u fondi għall-ambjent u għall-agrikoltura.
Dr Farrugia żied li s-segretarjat tiegħu u l-awtoritajiet li jaqgħu fil-portafoll tiegħu diġà qed jorjentaw biex pajjiżna jibbenefika b’mod tajjeb mill-bidliet li mistennija jseħħu fosthom iktar fondi għall-innovazzjoni u għal Erasmus+. Qal ukoll li għaddejja ħidma biex Malta ttejjeb l-operat tagħha inkluż mis-settur privat f’dawk li huma fondi ċentralizzati.
Is-Segretarju Parlamentari qal li d-djalogu soċjali qed ikompli jissaħħaħ speċjalment meta jiġi kkunsidrat il-fatt li qed jingħata impetus ġdid permezz ta’ fondi Ewropej lill-entitajiet kollha tal-imsieħba soċjali. Irrefera għall-proġett li ħadet l-aġenzija MEUSAC b’valur ta’ €134,000 li hu bbażat fuq tliet pakketti: taħriġ għall-ħaddiema ta’ MEUSAC, analiżi u iktar proġetti konġunti bejn il-MEUSAC u l-imsieħba soċjali.
Ir-rapport sħiħ ta’ MEUSAC: http://meusac.gov.mt/wp-content/uploads/2018/05/Annual-Report-2017.pdf