It-taqsima ta’ kontra l-kriminalità tar-Rumanija qalet li żiedet l-akkużi kontra l-istilla tal-midja soċjali kontroversjali Andrew Tate, ħuh Tristan u ż-żewġ persuni oħra kompliċi.
Issa qed jiġu investigati għal reat aktar serju b’rabta ma’ traffikar ta’ persuni b’mod kontinwu.
Mas-sitt nisa li kienu marbuta mal-każ, issa żdiedet vittma oħra.
Il-prosekuturi qalu wkoll li fetħu investigazzjoni kriminali separata kontra raġel Rumen jismu Vlad Obuzic, li jgħidu li kien qrib l-aħwa Tate.
Obuzic qed jiffaċċja wkoll allegazzjonijiet ta’ traffikar ta’ diversi persuni u li fforma grupp ta’ kriminalità organizzata bl-iskop li jisfruttaw seba’ nisa u jġiegħeluhom jagħmlu kontenut pornografiku biex jitella’ fuq is-sit tagħhom u jagħmlu l-qligħ minnu.
Andrew Tate u ħuh Tristan ilhom isegwu r-regoli ta’ ‘house arrest’ minn April li għadda. Huma għandhom l-ordni li jibqgħu fil-binja li jgħixu fiha u ma jistgħux joħorġu sakemm ma jkollhom permess mill-ġudikatura.