Reġgħet bdiet mill-ġdid il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri. Dan wara li l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha żiedet fl-akkużi kontra Debono, bin-numru jitla’ għal 47 akkuża.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat wara li d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia sostnew kif il-klijent tagħhom għandu d-dritt li jitlob għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-kumpilazzjoni reġgħet bdiet mill-ġdid.
Fost numru ta’ akkużi, Debono qed ikun akkużat b’serq tal-karozza, li allegatament wettaq reati bl-istess vettura jiem qabel tajjar lill-Kuntistabbli Schembri, li n-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura kien falz, li saq vettura fit-triq li mhux sippost instaqet, li saq vettura mingħar il-polza ta’ assigurazzjoni u li ħabat f’vettura u baqa’ sejjer.
Il-Pulizija Racile Cassar irrakkontat kif l-ewwel telefonata li daħlet dwar il-każ kienet telefonata mingħand tfajla li spjegatilha kif rat Kuntistabbli jinqatel quddiemha wara li waqqaf vettura u talab il-liċenzja tas-sewqan lix-xufier. Bix-xufier iwieġeb li ma kellux u qabad u saq għal fuq.
Meta l-akkużat ġie mistoqsi jekk kienx jaf li kellu Kuntistabbli taħt il-karozza u jekk setgħax jieqaf biex ma jkomplix iweġġgħu, il-Kuntistabbli Christopher Debrincat irrakkonta kif Debono wieġeb li ma kienx hemm x’jagħmel bil-Kuntistabbli Clayton Azzopardi jixhed li l-akkużat qal li kien għalekk li beda jserrep l’hemm u l’hawn, biex jaqla’ lill-Kuntistabbli Schembri minn taħt il-karozza.
L-Espert Forensiku Mario Scerri kien dak li ra lill-Kuntistabbli Schembri ftit wara li seħħ il-każ fejn xehed kif imnalla kienu l-paramediċi għax kieku kien jitlef ħajtu kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab fuq sidru u fuq żaqqu. Spjega kif meta rah, Schembri ma kienx konxju kawża ta’ intervent mediku li sarju, fejn kien fi stat ta’ saħħa ħażina ħafna.