Dawk li jaqbdu tal-linja qed jiżdiedu ta’ kuljum, f’turija ċara ta’ fiduċja fis-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna.
Dan intqal miċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, f’intervista ma’ ONE News.
Qal, “Huwa interessanti, mill-figuri li qed insegwu li minn April ’l hawn, iż-żieda fuq is-servizz ta’ tal-linja kienet ta’ medja ta’ 22,000/23,000 kuljum. Jiġifieri tal-linja nistgħu ngħidu li qed tirkupra l-fiduċja u qed iżżid kuljum.”
F’Settembru li għadda, kien hemm żieda ta’ erbgħa u għoxrin fil-mija fil-passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Iċ-Chairman ta’ Transport Malta spjega kif hemm diversi fatturi għal din iż-żieda, fosthom aktar turisti u studenti li jinsabu lura fuq il-bankijiet tal-iskola.
Żied jispjega kif Transport Malta għaddejja bi tħejjijiet intensivi biex minn Ottubru tas-sena d-dieħla, it-trasport pubbliku f’pajjiżna jkun b’xejn għal kull min hu residenti f’Malta.
Din hija waħda mill-miżuri ewlenin fil-Budget għas-sena d-dieħla, li se tfisser li kull persuna li tuża t-trasport pubbliku kuljum, se tiffranka mat-tliet mitt ewro fis-sena.
Spjega, “Bdejna d-diskussjonijiet, għandna programm ta’ xogħol, prinċiparjament mal-Malta Public Transport, nidħlu fid-dettall fis-servizzi, x’nistgħu nantiċipaw, kif nistgħu ngħaqqdu, fejn hemm bżonn inbiddlu u dan qed isir bejn l-awtorità, il-Ministeru għat-Trasport flimkien mal-Malta Public Transport.”
Dawn id-diskussjonijiet se jfissru li f’inqas minn sena, se jsir iktar investiment fis-servizz tat-trasport pubbliku, fosthom żieda fil-flotta biex taqdi aħjar id-domanda.