Ċifri mill-uffiċju nazzjonali tal-istatistika juru li n-numru ta’ studenti li daħlu f’korsijiet f’livell terzjarju fis-sena 2016/2017 żdied bi kważi 5% meta mqabbel mas-sena akkademika ta’ qabel.
L-istatistika uriet ukoll li fl-istess sena daħlu iżjed studenti feminili milli studenti maskili, b’maġġoranza ta’ kważi 56%.
Ħareġ ukoll li fl-istess sena, kważi tliet kwarti tal-istudenti fil-livell terzjarju qed jistudjaw fuq bażi full-time. Iżda l-istudenti fuq bażi part-time żdiedu bi kważi 15% meta mqabbel mas-sena akkademika preċedenti.
Il-maġġoranza tal-istudenti kienu f’korsijiet f’livell ta’ baċċellerat, bi kważi 58%. Studenti fil-livell ta’ masters laħħqu id-29.4%.
Kważi nofs l-istudenti fil-livell terzjarju kellhom bejn l-20 u 24 sena filwaqt li iżjed minn 21% kellhom inqas minn 20 sena.
Fl-istess sena akkademika żdiedu bi 8.3% l-ammont ta’ studenti barranin li bdew isegwu kors fil-livell terzjarju.
L-iżjed oqsma popolari fil-livell terzjarju kienu dawk tan-negozju, l-amministrazzjoni u l-liġi u l-qasam tas-saħħa u l-benesseri, b’madwar 46% tal-istudenti jagħżlu kors f’wieħed minn dawn l-oqsma.
Fl-istess sena akkademika, in-numru ta’ studenti li bdew isegwu kors f’livell post-sekondarju kien ta’ 10,194, bi kważi 89% minn dawn jagħżlu li jsegwu kors f’istituzzjoni tal-istat.
Iktar minn 47% tal-istudenti fil-livell post-sekondarju għażlu li jsegwu kors vokazzjonali. L-iżjed qasam popolari fost dawn l-istudenti kien il-qasam tas-servizzi, u warajhom kien hemm il-qasam tal-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni u l-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.