Intervent mediku ta’ valv prinċipali tal-qalb, li jnaqqas ferm l-iskariġġ tal-operazzjoni tradizzjonali b’qasma fis-sider, żdied b’aktar minn għaxar darbiet f’għaxar snin.
L-intervent huwa magħruf bħala TAVI – Transcatheter Aortic Valve Implantation – u jibdel valv tal-qalb minn ġol-koxxa.
Ċifri li kiseb ONE News juru kif fl-elfejn u tlettax, saru għaxar interventi ta’ dan it-tip. Is-sena l-oħra saru rekord ta’ mija u ħmistax, u din is-sena sa issa, diġà saru wieħed u erbgħin.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, Robert Xuereb, stajna nifhmu mill-ewwel kemm dan l-intervent itaffi t-tbatija tal-pazjenti wara li jagħmluh, u anki fil-ħajja ta’ kuljum ġaladarba jirkupraw.
Filmati li ttieħdu u ntbagħtu lil ONE News waqt wieħed mill-interventi li saru dan ix-xahar, juru pass pass, il-mod metikoluż li bih isir l-intervent.
Is-Sur Xuereb spjegalna kif il-maġġoranza tal-pazjenti li jgħaddu minn dan l-intervent, ikollhom aktar minn sebgħin sena, u jirriżulta, minn testijiet tal-qalb, li jkollhom problemi f’wieħed mill-valvijiet tal-qalb. (005,006,007)
“Nidħlu b’pajp minn ġol-koxxa, nitilgħu sal-valv li hemm bejn il-qalb u l-arterja prinċipali, l-aortic valve, u npoġġu dal-valv il-ġdid minflok dak li hemm ġol-pazjent. Għalfejn nagħmluha? Nagħmluha meta dan il-valv maż-żmien, mal-età, jibda jiddiġenera u jibda jidjieq.”
Il-Kardjologu Robert Xuereb
Meta dan il-valv jibda jidjieq, il-pazjent jibda juri ċertu sintomi.
“Per eżempju jibda jħossu għajjien, jibda jħoss li qed jaqta’ nifsu, jibda jħoss sturdament jew ħass ħażinijiet, u meta jiġri hekk, meta jidjieq sew, mhux ħaġa sabiħa, għax jekk ma nagħmlu xejn, fi żmien sena, nofs il-pazjenti jilħqu jmutu.”
Il-Kardjologu Robert Xuereb
L-intervent tat-TAVI ħa post operazzjonijiet aktar serji, li warajhom, pazjent kien imur l-ITU u jqatta’ numru ta’ ġranet l-isptar.
Ġieli kien jiġri wkoll li minħabba l-età vulnerabbli, l-anzjani ma jkunux jifilħu għall-operazzjoni u jispiċċaw imutu.
B’differenza, it-TAVI jinvolvi inqas skariġġ u uġigħ għall-pazjenti.
“Nagħmluhielu bil-loppju lokali biss, jiġifieri hu jkun imqajjem, u waqt li tkun qed issir, nitkellmu mal-pazjent fuq il-ħajja u t-tfal, u npoġġu l-valv il-ġdid. Imbagħad il-pazjent jagħmel lejl magħna, ħafna drabi mmorru narawh jew narawha l-għada filgħodu, u jekk tkun tajba, nibagħtuha l-għada stess.”
Il-Kardjologu Robert Xuereb
Dawn it-tip ta’ interventi u l-mod kif isiru f’pajjiżna, kisbu interess internazzjonali, u fl-aħħar ġimgħat sar kors ma’ kardjologi u kirurgi minn pajjiżi oħra Ewropej – bħall-Ungerija u l-Iżvizzera, li ġew Malta biex segwew pass pass kif isiru dawn l-interventi.
“Aħna sirna ċentru ta’ eċċellenza fejn jidħlu dat-tip ta’ structural heart interventions ngħidulhom aħna. Huma interventi fuq il-qalb kumplessi ħafna għax qed nibdlu l-valves u sirna ċentru fejn pajjiżi oħra, il-kirurgi u l-kardjologi ta’ pajjiżi oħra ġol-Ewropa, jiġu għandna biex nuruhom kif naħdmu aħna.”
Il-Kardjologu Robert Xuereb