Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hawn żieda ta’ aktar minn 540,500 persuna li qagħdu fl-akkomdazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Bit-total ta’ persuni jammonta għal ftit aktar minn 766,210.
Filwaqt li fl-ewwel nofs tal-2022 kien hawn żieda ta’ kważi 2,400,000 ta’ ljieli fl-akkomodazzjonijiet turistiċi meta kkumparat mal-ewwel nofs tal-2021. Dan ifisser li t-total ta’ ljieli laħħaq għal 3,298,720.
Dawn huma nnotati fi statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li nnotat ukoll r-rata ta’ okkupanza fl-akkomodazzjoni f’Malta fit-tieni kwart ta din is-sena żdiedet bi kważi 41% għal 59.2% meta mqabbel mal-istess kwart tal-2021.
Anke fl-akkomdazzjonijiet f’Għawdex u Kemmuna ġiet innotata żieda. Fil-fatt, l-okkupanza f’dawn iż-żewġ gżejjer tammonta għal 40.5%, jiġifieri żieda ta’ kważi 18 fil-mija mit-tieni kwart tas-sena li għaddiet.
L-istess statistika turi li bejn April u Ġunju li għaddew, il-medja ta’ ljieli fl-akkomodazzjonijiet turistiċi f’Malta żdiedu għal 4.5 iljieli, filwaqt li f’Għawdex u Kemmuna l-iljieli żdiedu għal kważi tliet iljieli meta mqabbel mal-istes xhur tas-sena l-oħra.
Fit-tieni kwart tas-sena, l-aktar okkupanza kienet irreġistrata f’lukandi ta’ erba’ stilel, b’46.5% tal-persuni kollha li qattgħu ljieli f’akkomodazzjonijiet turistiċi.