Minkejja li l-istudenti li qed jagħżlu li jKomplu jistudjaw fil-qasam soċjali kulma jmur qed jonqsu, il-ħaddiema soċjali ingaġġati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali qed jiżdiedu.
Iċċara dan magħna l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, li tkellimna miegħu fid-dawl ta’ kummenti li qed isiru minn persuni li qed jippruvaw ipinġu stampa li l-FSWS mhix timpjega ħaddiema soċjali.
Qal, “Fl-2012, din l-organizzazzjoni, l-FSWS, kienet timpjega 175 ħaddiem soċjali. Din is-sena għandna 319, jiġifieri altru li ma nimpjegawx jew ingerrxuhom.”
Lis-Sur Grixti tkellimna miegħu l-għada li, fil-Parlament, il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon, serraħ moħħ il-ħaddiema soċjali kollha f’pajjiżna dwar ix-xogħol tagħhom.
Qal, “Inserraħ moħħ is-social workers kollha f’pajjiżna, li x-xogħol tagħhom huwa rispettat, huwa apprezzat, u aktar minn kollox, huwa apprezzament ta’ vokazzjoni.”
Il-Ministru Falzon appella biex ħadd ma jħalli persuni bi skop politiku partiġġjan, jinqdew bihom.
Qal, “L-iskop politiku partiġjan mhux qiegħed biss in-naħa l-oħra tal-Oppożizzjoni, imma qiegħed ukoll f’idejn min suppost ikun fuq quddiem nett biex jimbotta ’l quddiem u jħajjar aktar nies jidħlu social workers.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS spjegalna li n-nuqqas ta’ ħaddiema soċjali hija problema madwar id-dinja kollha, mhux f’Malta biss, primarjament għax hemm setturi kompetittivi ħafna fil-pagi, bħax-xogħlijiet fis-settur tat-teknoloġija u fid-dinja tal-gaming.
Fil-fatt, qalilna li filwaqt li fl-elfejn u tmienja, f’Malta ggradwaw tnejn u erbgħin ħaddiem soċjali, is-sena li għaddiet iggradwaw biss wieħed u għoxrin – in-nofs, filwaqt li din is-sena mistennija jiggradwaw biss tlettax-il student.
Qal, “Jiena infurmat – għax hawnhekk hawn nies li ilhom jaħdmu aktar minn għoxrin sena – li f’dik is-sena partikolari meta kellhom l-ikbar numru, kienu qalulhom, morru araw fejn se ssibu xogħol għax mal-Gvern u mal-FSWS m’hemmx vacancies għalikom. Dawn huma affarijiet li jkollhom effett negattiv – jien ġej mill-qasam edukattiv – il-guidance teachers x’se jgħidulhom lill-istudenti? Mhux se jgħidulhom mur social worker jekk qed tgħidilhom li m’għandekx xogħlijiet.”
Is-Sur Grixti reġa’ afferma l-impenn tal-FSWS li tibqa’ tingaġġa l-ħaddiema soċjali, u fil-fatt irrimarka kif meta erba’ snin ilu, l-Università talbet lill-FSWS biex tilqa’ l-istudenti għall-placements, il-Fondazzjoni mill-ewwel aċċettat, għax temmen fl-importanza li l-istudenti jieħdu togħma ta’ dak li jkunu se jiltaqgħu miegħu fuq il-post tax-xogħol fil-futur.
Qal, “Aħna lill-Università anki waqt il-Covid, għidnielha, ibgħat lil kulħadd, u bqajna nżommu l-wegħda u l-impenn tagħna. Aħna qegħdin ngħidu wkoll li kull min jiggradwa, għandu post magħna. Aħna għandna nuqqas ta’ ħaddiema soċjali u kull min jiggradwa, jekk irid jew jekk trid, għandu post magħna.”