B’investiment ta’ aktar minn €8 miljun, il-flotta tal-Malta Public Transport qed tara żieda ta’ 30 xarabank oħra biex is-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn fuq l-art se jkompli jissaħħaħ.
Dawn il-karozzi tal-linja se jibdew jintużaw minnufih wara li ġew inawgurati f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Hawnhekk tħabbru wkoll ċifri ferm pożittivi għal-Tallinja Card, hekk kif kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bil-karozza tal-linja matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, bl-ammont ta’ bejn Jannar u Marzu li għaddew ilaħħaq għal 17.2 miljun passiġġier.
Fil-fatt, il-General Manager tal-Malta Public Transport, Konrad Pule, qal kif n-numru ta’ persuni li għandhom Tallinja Card personalizzata u li jagħmlu użu mill-karozza tal-linja tal-inqas darba fix-xahar, żdied ukoll bi 30% minn 188,000 għal 224,000, li juri li aktar residenti qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
“Bejn Jannar u Marzu 2024 qed naraw 19% iżjed passiġġieri mis-sena l-oħra. Ħassejna li għandna ninvestu iżjed biex noffru servizz ta’ kwalità aħjar lill-passiġġieri tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Kulunell Mark Mallia, saħaq l-impenn biex is-sistema ta’ trasport pubbliku tkun aktar affidabbli, effiċjenti u favur l-ambjent.
Fil-fatt hemm pjani fis-seħħ biex, sa tmiem l-2025, jiġu introdotti wkoll 120 karozza tal-linja kompletament elettrika, b’emissjonijiet żero, li jieħdu post il-karozzi tal-linja preżenti li jaħdmu bid-diesel.
“Is-sena d-dieħla se jsir investiment għal numru sostanzjali ta’ vetturi li se jkunu elettriċi. Ejjew nużaw is-servizz b’xejn tat-trasport pubbliku u nneħħu l-mentalità li mmorru kullimkien bil-karozza.”
Il-Ministru Bonett qal li l-investiment tal-Gvern li jipprovdi s-servizz ta’ trasport pubbliku kemm bl-art u kemm bil-baħar bla ħlas, filwaqt li jaħseb għal żieda ta’ aktar karozzi tal-linja, juri biċ-ċar l-impenn tiegħu li jagħti soluzzjonijiet għall-isfidi tat-traffiku.
“Għandna issa 30 bus ġdida biex inżidu s-servizz u jkollna servizz aħjar. Dan narah il-bidu ta’ ħafna affarijiet li se nagħmlu mal-MPT u l-Gvern hu kommess li dejjem jagħti l-aħjar servizz.”
It-30 karozza tal-linja ġdida, mgħammrin b’teknoloġija diesel Euro 6 u kumditajiet bħal USB chargers u WiFi b’xejn, jagħtu prijorità lis-sigurtà u l-kumdità tal-passiġġieri.