- Pjanijiet ta’ proġetti teknoloġiċi biex nipprevjenu l-anti-social behaviour f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem fid-dettal dwar politika tal-Gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Qal li din hi politika sensibbli u ta’ sens komun fl-istess ħin li l-gvern jaf fejn għandu jkun strett.
Fuq ONE Radio għamilha ċara li ma jistax ikun li kulħadd jaħseb li jista’ jagħmel li jrid.
Il-Prim Ministru spjega fenomenu ta’ immigrazzjoni pjuttost ġdid għal pajjiżna. Dak ta’ nies Afrikani li ma jkunux waslu Malta bid-dgħajjes imma jaslu bid-dgħajjes fl-Italja jew f’postijiet oħra, ma jsibux xogħol hemm u jiġu lejn Malta b’mod leġittimu jiġifieri jiġu bl-ajruplan jew katamaran u bil-permess. Dawn il-persuni iżda mbagħad ma jkollhomx per eżempju d-dritt illi jfittxu xogħol ġewwa pajjiżna.“Bħalissa għaddejjin b’eżerċizzju fejn ta’ kuljum naraw permezz tal-awtoritajiet illi persuni li mhux suppost qegħdin f’pajjiżna jew li ma jistgħux waqt li qegħdin f’pajjiżna, jaħdmu illegalment, dawn il-persuni ikunu qegħdin jintbagħtu lura. Dan huwa xogħol illi jsir ta’ kuljum mill-awtoritajiet Maltin. Huwa xogħol li jħalli l-frott tiegħu. Huwa xogħol leġittimu. Fl-istess ħin, irridu nkomplu naraw illi n-nies ta’ postijiet partikolari fejn hemm konċentrazzjoni ikbar ta’ immigrazzjoni,” qal Muscat b’referenza speċifika għal-lokalitajiet bħall-Marsa, il-Ħamrun, Santa Venera, partijiet minn Birkirkara imma mhux biss.
Il-Prim Ministru fisser ukoll li meta jiġi diskuss il-kunċett tal-immigrazzjoni, “aħna mhux qed nitkelmu sempliċiment fuq immigrazjoni Afrikana imma hemm illum ‘il ġurnata immigrazzjoni minn pajjiżi terzi li qegħdin f’pajjiżna sabiex jissodisfaw il-bżonn tagħna, postijiet tax-xogħol illi mhawnx biżżejjed Maltin għal dawk il-postijiet tax-xogħol. Ikunu nies mil-Lvant tal-Ewropa minn pajjiżi li mhumiex parti mill-Unjoni Ewropea.”
Tenna li kwistjoni li qed tingħata importanza hija l-infurzar tal-liġijiet. “Qegħdin insibu kollaborazzjoni wkoll mal-kunsilli lokali, kif jistgħu jsiru ċertu affarijiet u kif jistgħu ma jsirux. Min-naħa tal-pulizija naħseb li qed isir xogħol tajjeb ħafna ta’ implimentazzjoni ta’ infurzar li juri kif l-affarijiet jistgħu jsiru bis-serjeta’,” emfasizza Muscat.
“Fadlilna ħafna x’intejbu imma jien sodisfatt li we are stepping up u ħa nkomplu nuru kif dan l-infurzar jista’ jkompli jsir, sostna Muscat.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-pjanijiet diġa’ mħabbra għal dak li jgħidulu safe city. “Proġetti illi jeżistu anke f’pajjiżi oħra fejn inti m’għandekx għalfejn illi jkollok il-ħin kollu l-pulizija f’kull ħin f’ċertu postijiet imma jkollok sistemi ta’ cameras illi minnhom infushom jipprevenu anti-social behaviour,” spjega l-Prim Ministru.
Hemm ideat u proġetti li diġa tħabbru għall-postijiet bħal Paceville, fejn permezz tat-teknoloġija tgħin biex inti tipprevjeni li jsiru dawn l-affarijiet u f’każ li jsiru, il-persuni li jaqilgħu l-inkwiet ikunu jistgħu jiġu identifikati malajr permezz tat-teknoloġija.
“Din hija triq li wkoll qed neżaminaw b’saħħa biex naraw l-implimentazzjoni tagħha f’diversi żoni tal-pajjiż, f’rispett sħiħ, u din hija importanti ħafna tar-regoli tad-data protection u regoli ta’ privacy li huma importanti ħafna f’qafas kemm lokali kif ukoll Ewropew.”
Is-sitwazzjoni fil-Mediterran
Dwar is-sitwazzjoni fil-baħar Mediterran, Joseph Muscat fisser kif “ta’ kuljum ikun hemm għexieren ta’ każijiet ta’ dgħajjes li qed jaqsmu l-Mediterran u sempliċiment għaliex dawn ma jkunux qed jidħlu ta’ kuljum Malta, ma jfissirx illi ma jeżistux.”
Muscat sostna li l-protezzjoni tal-ħajjiet hija indiskutibbli. “Jekk ikun hemm xi ħadd illi qiegħed jegħreq, qiegħed imut…aħna rridu nsalvawhom. Dik hija parti mill-umanita’ barra mid-dmir tagħna.”
Min-naħa l-oħra l-politika tagħna tgħid ukoll li aħna rridu nkunu stretti. “Ma jistax ikun li kullħadd jagħmel li jrid jew ma jistax ikun illi kif qed jissuġġerixxi l-Kap tal-Oppożizzjoni, Malta tieħu fuq spallejha ir-responsabiltajiet ta’ kullħadd fil-Mediterran u nsiru xi ċentru tal-Ewropa tal-immigrazzjoni. Traffikanti jibdew jgħidulek – Ejja nibdew nieħdu mela lil kullħadd Malta imbagħad jaraw il-Maltin kif ħa jkunu qegħdin jaħdmu. Aħna assolutament ma naqblux miegħu. Aħna ma nistgħux u ma rridux illi Malta jintefgħalha l-piż kollu tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa fuq spallejha, kompla l-Prim Ministru.
B’ton ċar u tond, Muscat fiehem li “aħna nerfgħu dak li nistgħu nerfgħu u nagħmlu dak li nistgħu nagħmlu.”
Oppożizzjoni bla kredibilità
Mistoqsi dwar ċerti dikjarazzjoni li għamel din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li kien hemm mumenti li ssorprendewh.
“Jekk hemm kwistjoni fejn mhux suppost hemm issue politika hija l-vjolenza domestika. Agħar minn hekk, li żgur ma setax jagħmel issue politika minnha kien il-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti għaliex meta aħna bħala gvern ressaqna l-liġi illipermezz tagħha saret iktar iebsa l-liġi kontra min jagħmel il-vjolenza domestika u saret iktar b’saħħitha d-difiża tal-vittmi tal-vjolenza domestika, il-Kap tal-oppożizzjoni vvota kontra din il-liġi. L-aħħar ħaġa li jista’ jitkellem dwarha bħalissa l-Partit Nazzjonalista hija l-kwistjoni tal-vjolenza domestika,” sostna Muscat.
Bħala missier ta’ żewġt ibniet, il-parir tal-Prim Ministru huwa, ”inkoraġixxu lil uliedkom li jekk ikunu vittmi ta’ abbuż mhux tgħidulhom issapporti binti jew dak jgħaddilu, le. Abbuż għandu jiġi rrapurtat ħalli ssir ġustizzja imma wkoll ħalli l-vittma tiġi megħjuna u anke l-aggressur ikun jista’ minn ċerti tip ta’ għajnuna għax anke l-aggressur ikollu bżonn l-għajnuna ta’ rijabilitazzjoni f’dan kollu.”
Kien hemm ukoll dikjarazzjoni oħra mill-kap tal- Oppożizzjoni, deskritta mill-Prim Ministru bħala “inkredibbli” illi jgħid li ż-żgħażagħ jinteressahom biss mid-droga.
Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru jieħu pjaċir jitkellem ħafna ma’ “għexieren ta’ żgħażagħ kull ġimgħa li jikkomunikaw miegħi permezz ta’ email, illi jiġu jarawni Kastilja, illi nilqagħhom f’laqgħat, niltaqa’ magħhom f’laqgħat li qas ikunu fuq it-television, l-inqas ħaġa li jkelmuni dwarha hija d-droga. L-iktar ħaħa li jkelmuni dwarha ż-żagħżagħ huma l-opportunitajiet, speċjalment ta’ xogħol, kif jaraw illi l-pajjiż jista’ jitjieb, l-ambjent, kif jaraw illi l-pajjiż jista’ jkun vetrina tal-futur, it-teknoloġija… dawn huma l-affarijiet li jeċitaw iż-żgħażagħ.”
“Iż-żgħażagħ qas nistgħu ngħidulhom li huma l-futur ta’ pajjiżna, iż-żgħażagħ huma verament il-preżent ta’ pajjiżna. Illum, ta’ sittax -il sena, iż-żgħażagħ qegħdin jistgħu jivvutaw… Lil’hinn mill-kwistjoni ta’ vot, hija kwistjoni ta’ fiduċja u ta’ kif naraw liż-żgħażagħ.”
Ftehim dwar Brexit fil-qasam Ewropew
Mistoqsi dwar Brexit, il-Prim Ministru saħaq li din mhix deċiżjoni li niddeċiedu dwarha l-Maltin jew l-Ewropej. Hija deċiżjoni li ħadu l-Ingliżi u hija deċiżjoni sovrana.
Tenna li f’laqgħat Ewropej dwar dan saħaq li “l-ewwelnett nemmen illi jista’ jkun hemm ftehim u għandu jkun hemm ftehim imma li dan il-ftehim irid ikun fil-qafas tar-regoli tal-Unjoni Ewropea…It-tieni punt illi sħaqt huwa tama ta’ kważi kull Prim Ministru u kull President madwar il-mejda Ewropea hija li l-impossibli jiġri – li l-poplu Ingliż jerġa jaħsibha. Ma jfissirx li jekk ikun hemm referendum ieħor, il-poplu Ingliż ħa jdawwar id-deċiżjoni.”
Muscat kompla jispjega li l-Ingilterra tibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea jkun jaqbel lil kullħadd għax dak li deħlin għalih issa huwa perjodu ta’ inċertezza.
Min-naħa tiegħu, Muscat qal: “Aħna bħala pajjiż qed nagħmlu mill-aħjar, sa nhar it-tnejn stess kont l-Ingilterra u ltqajt ma’ 10 kumpaniji partikolari illi mhux bilfors kollha bħala effett ta’ Brexit imma qegħdin jaħsbu biex jinvestu f’Malta… Fix-xhur li ġejjin ħa jkun hemm tħabbiriet ta’ ċertu investimenti illi qegħdin isiru f’diversi oqsma f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru kompla billi qal li bħalissa għaddejjin b’ħidma sabiex “l-ewwelnett naraw illi l-Maltin li hemm fl-Ingilterra u fir-Renju Unit kollu, jkunu qegħdin jingħataw l-aħjar għajnuna meta jiġu biex jirreġistraw għall-istatus tagħhom għal wara Brexit, jekk Brexit tkun qegħda sseħħ… min-naħa l-oħra, aħna wkoll qegħdin inħejju biex inkunu qegħdin fl-aħjar pożizzjoni illi l-Brittaniċi li jgħixu f’pajjiżna ma jsibux problemi wara li jkun hemm il-Brexit… Ħa nagħmlulhom ħajjithom kemm jista’ jkun faċli biex dawn jibqgħu ġewwa pajjiżna, jikkontribwixxu soċjalment, jikkontribwixxu ekonomikament għall-pajjiżna, huma ċittadini tajbin, ċittadini attivi ta’ pajjiżna u nixtiquhom li jibqgħu.”
Qabda kbira ta’ droga fid-dwana ta’ Malta
Ir-reazzjoni tal-Prim Ministru dwar dan il-każ kienet li jirringrazzja lis-sezzjoni tad-dwana fuq il-biċċa xogħol eċċellenti li għamlu f’din l-operazzjoni kruċjali fejn id-droga li nqabdet ma kinitx destinata għal pajjiżna.
“L-awtoritajiet kompetenti qatgħu figura eċċezzjonali mal-istituzzjonijiet internazzjonali u hekk ikun pajjiż fejn tirrenja r-rule of law, mhux b’paroli iżda b’fatti konkreti ħafna,” qal il-Prim Ministru.
Surplus jitgawda minn kullħadd
Mistoqsi dwar fejn sejjer is-surplus li reġa’ rreġistra pajjiżna, il-Prim Ministru wieġeb ċar u tond li n-nies jistgħu jaraw b’għajnejhom l-investiment fil-pajjiż, b’referenza partikolari għat-toroq bħal dawk tal-Marsa kif ukoll l-investiment li jse jsir fil-mina li għadha kemm ġiet approvata f’Santa Luċija.
Dan kollu huwa possibli grazzi għall-“programm li ġie approvat mill-poplu fl-elezzjoni ġenerali ta’ seba’ snin illi fihom dawn is-seba’ snin ħa jsiru t-toroq kollha tal-pajjiż,” żied Muscat.
Apparti din, irrefera wkoll għall-investiment fl-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti tal-Knisja u dawk indipendenti. Gaħlkemm konxju dwar ċerti ilmenti li jistgħu jinqalgħu u mhux qed jistenna “perfezzjoni” fl-ewwel ftit jiem il-Prim Ministru tenna li s-sabiħ hu li wieħed dejjem jimxi ‘l quddiem.
“Dawn huma l-affarijiet li nieħu pjaċir li jiġru f’dan il-pajjiż, il-pożittivita’, li wieħed jikber, li wieħed jimxi ‘l quddiem,” temm il-Prim Ministru.