In-numru ta’ persuni li għamlu testijiet fil-kliniċi tas-saħħa sesswali itrippla fl-aħħar sitt snin. Dan skont ċifri li ppreżenta s-Segretarju Parlamentari għas-saħħa Chris Fearne juru li n-numru ta’ pazjenti li rat il-klinika fejn ikun trattat mard ġenitali tela minn 1,800 fl-2010 għal ħames 5,500 is-sena l-oħra. In-numri qabel l-2006 kienu inqas minn elf persuna.
Mat-Times of Malta, d-direttur tal-GU Clinic Valeska Padovese qalet li in-numru ta’ pazjenti li jagħmlu t-testijiet tela’ minn ħmistax għal erbgħin persuna kuljum.
‘Naqqasna l-waiting list u issa nistgħu nindirizzaw aħjar dawk ġodda. Fejn qabel kellna tabib wieħed issa għandna tnejn u għalhekk nistgħu naraw iżjed pazjenti’ qalet Padovese. Spjegat li minn mindu ħadet f’idejha dan id-dipartiment irnexxiela iżżied l-isforzi tal-ħaddiema biex jikkuntattjaw mill-iktar fis possibli pazjenti li jirriżulta li jkollhom infezzjoni.’
Dan qed iwassal biex iżjed persuni jkollhom il-kuraġġ jagħmlu t-testijiet għaliex iktar mal-infezzjoni tinqabad kmieni, it-trattament ikun iżjed ta’ suċċess.’ Spjegat li l-kampanji li saru ġibdu l-attenzjoni ta’ bosta persuni u issa se tibda inizjattiva fost priġunieri li rarament jagħmlu dawn it-testijiet.
Spjegat li wieħed minn kull tliet persuni li jagħmlu t-testijiet jirriżulta li jkollom infezzjoni jew xi tip ta’ marda. Innutat li l-maġġoranza tal-persuni kienu rġiel filwaqt li n-nisa jippreferu jikkonsultaw mal-ġinekologu tagħhom.