B’impenn favur tisħiħ fil-qasam ġudizzjarju, in-numru ta’ Avukati tat-Tfal fil-Qrati Maltin, tela’ għal għaxra, hekk kif erba’ avukati ġodda ingħaqdu mas-sitta li diġà kien hemm.
Dawn l-avukati, li ntgħażlu wara sejħa pubblika li saret, se jipproteġu aktar minorenni fi kwalunkwe proċeduri, fosthom fil-Qorti tal-Minorenni u fil-Qorti tal-Familja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini, spiegat kif in-numru ta’ dawn l-avukati huwa mistenni li jkompli jiżdied, sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza fil-Qrati.
Dan filwaqt li ġie żgurat li dawn l-avukati jingħataw it-taħriġ meħtieġ.
“L-iskop li żidna in-numru tal-Avukati tat-Tfal, kien proprju biex il-minuri nagħtuhom aktar vuċi. Ikun hemm aktar dedikazzjoni għall-minuri, ħalli x-xogħol ikun jista’ jitqassam aħjar, u jkun aktar effiċjenti. Ħa jkun hemm anke l-konsultazzjoni pubblika, għax din hija parti minn inizjattivi oħrajn li għandna.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, spjega kif diversi emendi li saru taw aktar importanza lil dan l-irwol, hekk kif issa dawn l-Avukati huma meqjusa bħala difensuri tal-minorenni.
Il-Ministru Attard, qal kif il-ħatra ta’ dawn l-Avukati, tkompli ssotni l-investiment bla preċedent fir-riżorsa umana fis-settur tal-Ġustizzja, fejn kważi ġie rduppjat in-numru ta’ Avukati appuntati biex iservu f’dan l-irwol.
Żied jgħid li l-Gvern għaraf ikompli jsaħħaħ l-irwol tal-Avukat tat-Tfal, hekk kif sar rappreżentant legali tat-tfal, u mhux espert tal-Qorti.
“Komplejna ninvestu fir-riżorsa umana, fil-professjonisti tagħna, li jagħtu servizz fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna. Kważi rduppjajna dawk li huma Avukati tat-Tfal, u qed naraw ukoll li issa l-pass li jmiss, ir-riforma, jew konsultazzjoni pubblika dwar l-ewwel fażi tar-riforma, fil-Qorti tal-Familja, naraw li nkomplu nsaħħu l-irwol tal-Avukati tat-Tfal, li għandhom irwol importanti ħafna, li t-tfal li jkunu involuti f’disputi legali, jkollhom rappreżentanza legali.”
Il-Ministru Attard, żied jgħid li fiż-żmien li ġej se tkun varata konsultazzjoni pubblika dwar is-settur tal-familja, li tinkludi wkoll rakkomandazzjoni fuq it-tisħiħ ta’ dan l-irwol, fosthom b’kundizzjonijiet aħjar.
Huwa kompla jgħid li l–impenn tal-Gvern huwa li jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni.
Temm ifakkar ukoll kif permezz ta’ aġġornament teknoloġiku fil-Qrati, l-minorenni llum jistgħu jagħtu x-xhieda mingħajr pressjoni żejda bi preżenza fiżika fil-Qorti.
Fi tmiem iċ-ċerimonja il-Ministru Attard ippreżenta ċertifikat tal-ħatra lill-Avukati.