L-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea tindika li f’Malta biss il-prezzijiet kemm tal-petrol kif ukoll tad-diesel baqgħu stabbli. Fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar 560 jum żdied il-prezz tal-petrol u l-prezz tad-diesel, bl-unika eċċezzjoni kienet il-Finlandja fejn kien hemm tnaqqis ta’ ċenteżmu l-prezz tad-diesel.
L-anqas li żdiedu l-prezzijiet kien fl-Iżvezja, b’żieda ta’ 4 ċenteżmi fil-prezz tal-petrol u tad-diesel. L-akbar żieda fil-prezz tal-petrol kienet ta’ 22 ċenteżmu fl-Estonja, filwaqt li l-akbar żieda fil-prezz tad-diesel kienet ta’ 23 ċenteżmu Franza u l-Greċja.
Naturalment l-istabbiltà li l-awtoritajiet irnexxielhom iżommu sal-lum, minkejja ż-żidiet internazzjonali fil-prezz taż-żejt, fissret iktar flus fi bwiet il-familji Maltin u Għawdxin.
Għal familja medja t-tnaqqis li seħħ fil-prezz tal-petrol u tad-diesel isarraf spiża anqas ta’ €600 s-sena kkumparat mal-prezzijiet tal-fuel li kien hawn f’April 2013. Dak kien fl-ewwel xahar ta’ wara li nbidel il-gvern u meta l-politika ta’ stabbiltà ma kinetx parti mill-politika tal-enerġija f’pajjiżna.
B’kuntrast mal-lum, bejn l-2008 u l-2012 il-prezz tal-petrol u tad-diesel f’pajjiżna kien żdied bid-doppju taż-żieda li kien hemm fil-bqija tal-UE, tant li l-ispiża ta’ familja medja fuq fuel huwa stmat li kienet żdiedet b’madwar €100 kull xahar.