Rapport maħruġ mill-uffiċju tal-MATSEC jfisser kif stħarriġ li sar fost studenti li twieldu fis-sena elfejn, juri li d-differenza bejn is-sessi fl-edukazzjoni Maltija qed tkompli tiżdied.
Il-persentaġġi huma simili tas-sena 2017, fejn f’dik is-sena kien hemm l-akbar żieda fid-distakk bejn is-sessi sa mis-sena elfejn u erbgħa.
Id-distakk fil-persentaġġ bejn studenti bniet u subien huwa evidenti kemm fir-reġistrazzjoni għall-eżamijiet kif ukoll fir-riżultati miksuba waqt l-istess eżamijiet. 29 fil-mija minn 4, 255 student li twieldu fis-sena elfejn ikkwalifikaw biex ikomplu bl-istudji tagħhom fl-università.
Studenti li twieldu fis-sena 2000 u li rreġistraw għall-A levels:
Tfajliet: 52%
Ġuvintur: 32%
Studenti li twieldu fis-sena 2000 u li kisbu ċertifikat tal-MATSEC:
Tfajliet: 36%
Ġuvintur: 23%
Studenti li twieldu fis-sena 2000 u li komplew bl-istudju fl-Università:
Tfajliet: 36%
Ġuvintur: 23%
L-akbar distakk bejn is-sessi ġie rreġistrat f’lokalitajiet tax-xlokk ta’ Malta, b’żewġ terzi tal-istudenti kienu tfajliet. Għal kuntrarju, fil-lokalità tal-Birgu tliet kwarti tal-istudenti kienu ġuvintur. L-unika parita bejn is-sessi ġiet irreġistrata f’lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta.
F’Għawdex, l-istatistika turi similaritajiet ma’ Malta. Ir-Rabat, Għawdex irreġistra l-aktar studenti maskili, filwaqt li fil-maġġoranza tal-irħula Għawdxin iddomina s-sess femmili.
Intant, ir-rapport wera wkoll li ġuvintur li ġejjin minn familji bi dħul finanzjarju baxx huma fi żvantaġġ biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom.