Il-Malta Community Chest Fund rat żieda sostanzjali fid-dħul tagħha, bl-ikbar kontribut finanzjarju jibqa’ dak tal-Istrina.
Dan irriżultat mir-rapport annwali tal-Fondazzjoni li kien ippreżentat f’laqgħa ġenerali. L-ewwel waħda għall-MCCF minn meta saret fondazzjoni.
Mill-avvnimenti marbuta mal-Istrina, sakemm jasal il-jum tal-għada tal-Milied, inġabru iktar minn erba’ miljun ewro. Iċ-ċermen tat-taqsina tal-finanzi tal-Fondazzjoni jgħid li ż-żieda kienet waħda mifruxa.
Fil-fatt, fil-laqgħa ġenerali kien spjegat li dan ir-rapport finanzjarju sal-aħħar tas-sena li għaddiet tkien fuq disa’ xhur għax ikopri l-perjodu Marzu sa Diċembru, perjodu li matulu l-organizazzjoni kienet diġa’ saret fondazzjoni.
Ir-rapport, li huwa ċċertifikat mid-ditta tal-Awdituri KPMG, juri li kien hemm surplus ta’ miljun u tmien mitt elf ewro. Peró minn dawn wieħed irid inaqqas disa’ mitt elf ewro li issa huma allokati għall-Fond għall-Għaqdiet Volontarji u sebgħa mija u ħamsin elf ewro li huma l-ispejjeż għal tliet xhur li ma daħlux f’dan ir-rapport.
B’hekk is-surplus finali huwa ta’ ftit inqas minn mitejn elf ewro. Mir-rapport jirriżulta li kien hemm żieda ta’ aktar minn ħamsin elf ewro fl-ispejjeż amministrattivi. Żieda li kienet attribwita għal żieda ta’ aktar impjegati fosthom social workers biex jgħinu f’każijiet partikolari.
Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca sostniet li issa li l-MCCF saret fondazzjoni, inħass aktar il-bżonn li l-poplu għandu jkun jaf kif dawn il-flus qed jintefqu.
Il-President ħabbret li se jkunu qed jiftħu aktar outreach offices biex l-MCCF tkun dejjem eqreb tal-komunità.
Filwaqt li ntqal li hemm numru ġdid għal min jixtieq iressaq suġġerimenti biex jitjieb l-operat tal-fondazzjoni. In-numru huwa 79010900.