Is-sena l-oħra d-defiċit fil-kaxxa ta’ Malta naqas b’perċentwal u nofs fuq sena qabel.
Dan ifisser titjib ta’ €76 miljun.
Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, li wriet sinjali qawwija anki ta’ rkupru mill-pandemija.
Id-dħul tal-Gvern żdied partikolarment anki għax il-Gvern daħħal iżjed flus mill-income tax f’kuntest ta’ settur tax-xogħol b’saħħtu u rata ta’ qgħad baxxa ħafna.
Fil-fatt id-dħul tal-Gvern laħħaq qrib il-ħames biljun u nofs ewro, li jfisser titjib ta’ kważi sitt mija u erbgħin miljun ewro fuq sena qabel.
Meta niġu għar-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru, id-dħul tal-Gvern żdied bi kważi mitejn u wieħed u sittin miljun ewro meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena li għaddiet, jiġifieri bejn Lulju u Settembru tal-2021.
In-nefqa tal-Gvern ukoll żdiedet kemm imqabbel ma’ sena qabel u anki fuq it-tliet xhur ta’ qabel.
Fil-fatt in-nefqa tal-Gvern fl-2021 laħqet kważi sitt biljun u sitt mija u ħmistax-il miljun ewro.
Din is-somma fissret żieda ta’ kważi ħames mija u erbgħa u sittin miljun ewro fuq sena qabel.
Fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet in-nefqa żdiedet bi ftit aktar minn mitejn tmienja u sittin miljun ewro.
Id-dejn tal-Gvern imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross fl-2021 kien ta’ 57%.
Fl-2011, taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, id-dejn ta’ pajjiżna kien ilaħħaq is-70.2%, li jfisser 13.2% iżjed minn dak tal-lum, meta pajjiżna qed jaffaċċja kriżi ferm akbar bil-pandemija tal-Covid-19.
Ir-rata ta’ 57% tad-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross irreġistrata fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, huwa ferm inqas mill-medja fiż-Żona Ewro, li hija ta’ 95.6%.
Ir-rata ta’ Malta hija ferm inqas minn dik fil-Belġju, fl-Italja u fil-Ġermanja fost oħrajn.
Dan hekk kif ir-rata tad-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross ta’ dawn it-tliet pajjiżi hija ta’ 108.2%, 150.8% u 69.3% rispettivament.