“Angele kienet dejjem imqabda ma ħuha.” Hekk stqarr missier l-akkużat waqt ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ martu u bintu. Pawlu Bonnici stqarr dan meta mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet li għamlet bintu li kienet ġiet stupratha minn ħuha Joseph.
L-Erbgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-qtil doppju ta’ Maria Lourdes u Angele Bonnici, quddiem il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Fiha xehed Pawlu Bonnici, missier l-akkużat, li wkoll qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs minħabba qtil doppju li seħħ fis-sena 2000.
Xħin mistoqsi mill-Qorti dwar jekk ibnu kienx raġel kwiet, Pawlu Bonnici wieġeb li min joqtol ma joqtolx għalxejn. Huwa żied jgħid li kien qatel lill-ġirien minħabba l-mara tiegħu li din kien dejjem moħħha sabiex iġelled. Huwa stqarr li Angele darba kienet qaltlu li se tqabbad tliet kaċċaturi jmorru l-għalqa ta’ l-akkużat bl-iskop li jinqala’ l-ġlied. Dan filwaqt li l-missier spjega li l-omm dejjem kienet taqbad mat-tfajliet li kellu l-akkużat u kienet tallega li jisirqulha l-borom. B’għajnejh ħomor nar fl-awla huwa stqarr li skanta kif għamel hekk ibnu għaliex kien tifel kwiet.’
Fil-Qorti tkellmu wkoll eks kollegi ta’ Angele li ddeskrivew ir-relazzjoni ta’ l-aħwa bħala normali. Fost ix-xhieda kien hemm ukoll diversi pulizija li għandhom x’jaqsmu mal-investigazzjonijiet tal-każ.