Noel Xuereb, Uffiċjal pubbliku b’aktar minn 25 sena servizz f’dik li kienet magħrufa bħala l-MITTS żvela fil-qorti l-pressjoni poltika kbira li saret fuq il-pulizija minn Gvern Nazzjonalista biex tieħu passi kontrih bil-għan li jitwaqqaf il-proċess ta’ kuntratt miljunarju li kien se jiġi ffirmat l-aħħar ma’ entita biex tipprovdi sistema tal-informatika tal-isptar Mater Dei.
Dan joħroġ minn sentenza li ngħatat it-Tnejn li għadda mill-Maġistrat Francesco Depasquale f’kawża li lliberat lil Xuereb, u lil Pierre Mercieca, konsulent tal-konsorzju AME li miegħu kien se jiġi ffirmat il-kuntratt.
Huma bdew jiġu investigati mill-Pulizija fuq suspetti ta’ Claudio Grech fosthom dik li Xuereb bħala rappreżentant tal-Gvern kien inxtara b’fire place wara li beda jgħaddi minn taħt informazzjoni lil Mercieca, rappreżentant tal-kosorzju li ġie ddikjarat bħala l-aqwa offerent.
Madankollu dawn is-suspetti wasslu sabiex, il-kuntratt jingħata lil entità li kellha interess fiha l-kumpanija iSoft. Entità li skont ix-xhieda ta’ Xuereb kienet rappreżentata minn Demajo Group. L-istess grupp li skond Xuereb kienet tiffinanzja l-kampanja elettorali tal-eks ministru Austin Gatt.
Fix-xhieda tiegħu, ix-xhud stqarr li l-prosekuzzjoni kellha pressjoni politika kbira fuqha minn naħa tal-Ministeru li fih kien kap tas-segretarjat, id-deputat nazzjonalista Claudio Grech. Dan għax skond Xuereb riedu li l-prosekuzzjoni tipproċedi kontrih kemm jista’ jkun malajr sabiex fi kliemu iwaqqgħu l-proċess malajr mal-kumpanija AME.
Saħansitra l-interċetazzjonijiet telefoniċi u elettroniċi li saru ma ġewx aċċettati mill-Qorti wara li rriżulta li l-pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha mingħajr ma issejħet inkjesta maġisterjali.
Filfatt ix-xhud stqarr li l-akkuża li hu kien inxtara b’fireplace kienet biss attentat tal-prosekuzzjoni li minħabba l-pressjoni politika min-naħa tal-ministeru jirnexxielhom isibu fuq xiex iressquh. Dan għalkemm il-fireplace kien inxtara bi flusu stess.
Fi tweġiba bi dritt għal risposta lil ONE NEWS, id-deputat nazzjonalista Claudio Grech saħaq li l-unika pass tiegħu kien li ressaq is-suspetti tiegħu li kien hemm xi leakages bejn il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u l-kumpanija AME.
Skambju ta’ informazzjoni li fi kliem il-Qorti stess kienet prassi aċċettata tant li skont il-qorti saret ukoll minn Claudio Grech innifsu. Huwa ċaħad ukoll li mar kontra l-parir li ngħata mid-Direttur tal-Kuntratti. Madankollu fis-sentenza tagħha l-Qorti kienet ċara u qalet li Grech mar kontra l-parir tad-direttur tal-kuntratti u għażel illi jimponi għadd ta’ kundizzjonijiet li ma kinux fil-kuntratt.
Intant, b’reazzjoni għax-xhieda li ngħatat fil-Qorti, d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li “hija gidba totali, bla bażi u infondata li tgħid li jien għamilt xi pressjoni fuq il-Pulizija biex tieħu passi kontra xi ħadd. Kull min kellu l-iċken ħjiel ta’ l-integrita’ li kien imexxi xogħolu biha l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dakinhar John Rizzo, jista’ jixhed li indubbjament ma’ kienx persuna li jħalli lil xi ħadd jagħmillu xi forma ta’ pressjoni. Minħabba li tibqa’ tagħmel stqarrijiet li huma għal kollox żbaljati ser ikollu nerġa nisħaq li l-uniku pass li jien ħadt f’dan il-każ kien li meta jien daħalli suspett li kien hemmleakages ta’ informazzjoni, għamilt dak li kien mistenni minni fil-Code of Conduct ta’ dan il-proċess u cioe’ għarraft lill-Ministru responsabbli u sussengwetement lill-Prim Ministru li minnufih għażlu li jibgħatu għall-Kummissarju tal-Pulizija biex iqabbduh jinvestiga lil kollox u lil kullħadd. Kuntrarjament għal dak li tgħid fit-tielet paragrafu ta’ l-artiklu tiegħek, nerġa ngħidlek li meta ressaqt is-suspetti tiegħi la qatt ma’ semmejt li xi ħadd kien qiegħed jixxaħħam u wisq anqas ma ndikajt lil ebda persuna. L-investigazzjonijiet saru kollha kemm huma mill-Kummissarju tal-Pulizija tul numru ta’ ġimgħat. Biex wieħed jasal għall-konklużjoni għaliex tressqu persuni l-Qorti jrid jistaqsi lilhom u mhux jattakka lili għaliex sempliċement wassalt is-suspett tiegħi fuq dawn il-leakages. Ma’ nimmaġinax li l-Kummissarju John Rizzo aġixxa sempliċement fuq suspett ġenerali jew għax xi ħadd qallu biex jagħmel hekk. Kif ktibtlek f’Risposta preċedenti, meta ntlabt il-parir tiegħi fuq x’kellu jsir meta nqalgħet il-problema li waqqfet dan il-proċess, jien kont sħaqt (bil-miktub) li l-Gvern ma’ kellux jirrikori lejn l-iSoft biex tipprovdilu s-soluzzjoni integrata u dan għal diversi raġunijiet li baqgħu jesponu lill-gvern għal riskju. Inti fattwalment żbaljat ukoll meta tgħid biex “il-kuntratt jingħata lil entita’ li kellha interess fiha iSoft.” Il-parti l-kbira (madwar 75%) tat-tender oriġinali kien reġa inħareġ snin wara u baqa’ qatt ma’ ġie aġġudikat. Għal parti żgħira tat-tender (laboratorju u radjoloġija) –circa 25% – li kien strettament neċessarju biex jiftaħ l-isptar Mater Dei intgħazel system integrator Amerikan biex jimplimentah iżda dan wara sejħa internazzjonali lil 12 il-System Integrator globali li intgħażlu minn Gartner (UK) u mhux b’xi direct order. Fil-fatt fuq deċiżjoni tal-Gvern stess l-iSoft lanqas biss kienu mistiednin għal dan il-proċess, aħseb u ara kemm ingħataw il-kuntratt. Dan huwa kollhu fattwalment dokumentat. Barra minn hekk inti fattwalment skorett ukoll li tgħid li -iSoft għandha xi interess fl-entita magħżula. Fil-fatt is-system intergrator uża l-iSoft biss biex ipprovdilu parti mis-sistema tal-laboratorju u dan biss (taħt ir-responsabbilta’ u l-garanzija ta’ l-integrator) purament bħala sistema iżda mhux bħala sehem jew azzjonist. Ikolli ngħidlek ukoll li inti kompletament żbaljat (nittama li żgwidat u mhux intenzjonalment) fuq dak li tgħid dwar ir-rwol ta’ Demajo Group f’dan il-proċess. Mill-informazzjoni u records li għandi jien, Demajo Group qatt ma’ kienu aġenti jew rappreżentanti ta’ iSoft. Huma kienu msieħba mad-ditta globali Microsoft fil-proposta oriġinali li kienu ssottomettew l-iSoft, li kif għidtlek f’punt 3 u 4, il-Gvern Malti stess eskluda. Aktar minn hekk, mir-records tiegħi ma’ jirrżultali li l-ebda entita’ li tifforma parti minn Demajo Group ma’ ngħatat, wettqet jew ħadmet fuq xi parti f’dan il-proġett. Nimmaġina li jekk tagħmel il-verifiki tiegħek mal-kumpanija stess tkun tista’ ġġib l-informazzjoni mis-sors innifsu u nittama li meta tagħmel dan tippubblika l-verifika tiegħek. Finalment, jiddispjaċini li inti żbaljat (fattwalment b’dokumenti) ukoll dwar l-iskambju ta’ emails u informazzjoni. Il-Code of Conduct (li jekk tixtieq kopja tiegħu nista’ ngħaddilek) kien jipprojbixxi strettament li xi ħadd mill-membri tal-kumitati jikkomunika mal-bidders ‘il barra mill-parametri stabbiliti fil-Code of Conduct u mingħajr ma’ jikkopja lid-Dipartiment tal-Kuntratti u/jew liċ-Chairperson tal-Kumitat rispettiv li kien jifforma parti minnhu. Ovvjament trid tara mal-Pulizija jew ma’ l-Avukat Ġenerali x’tip ta’ komunikazzjoni għaddiet bejn dawk li ġew akkużati mbgħad tkun tista’ tasal għal ġudizzju tiegħek. “