Sid ta’ ħanut fil-Marsa xehed fil-Qorti qal kif kien hu li ta l-flus lil ħu l-aħwa Degiorgio, mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, waqt li dawn kienu fil-ħabs.
Joseph Brincat magħruf bħala s-Sukku kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn semma kif Lawrence Pace, magħruf bħala l-Lolly, kien jagħtih flus biex hu mbagħad jgħaddihom lil Mario Degiorgio.
F’seduta preċedenti kien qal ukoll li l-middleman Melvin Theuma kien jgħaddilu l-flus għal Mario.
Fil-Qorti t-Tlieta ntqal ukoll li l-ammont li kien jgħaddilu Pace ma kienx jaqbeż it-€300, u kien jieħu l-flus darba f’ġimgħa għal madwar sitt ġimgħat.
Intqal ukoll li l-intenzjoni kienet li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat jieħdu mitt ewro kull wieħed wara li kienu ġew arrestati.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil, se tkompli fis-9 ta’ Awwissu.