Illum xehed il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fil-kawża kontra John Dalli, l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista, li huwa mixli b’rabta ma’ allegat każ ta’ tixħim ta’ €60 miljun sabiex tinbidel liġi Ewropea dwar l-isnus, tabbakk li ma jitpejjipx.
Il-Kummissarju Gafà, kien l-ispettur li investiga l-każ.
Fix-xhieda tiegħu, il-Kummissarju qal li Silvio Zammit, li wkoll qed jaffaċċja akkużi l-Qorti b’rabta mal-istess każ, kien allegatament talab miljuni ta’ ewro f’taħdidiet sabiex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-isnus.
Fil-Qorti ntqal li l-isem John instema diversi drabi f’telefonati rekordjati, filwaqt li Silvio Zammit kien jitkellem fil-plural.
Fil-fatt, ir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi, l-OLAF kien ikkonkluda li Zammit ma kienx qed jaġixxi f’ismu, kif kien insista.
Gafà qal li l-istess rapport kien ikkonkluda li kien hemm ċirkostanzi fejn Dalli seta’ kien konxju ta’ dak li qed jagħmel Zammit.
Għalhekk, kienu bdew proċeduri kriminali għal korruzzjoni.
Il-Kummissarju xehed li waqt l-investigazzjoni kienu saru bosta tfittxijiet kif ukoll numru ta’ persuni kienu interrogati.
Jingħad li meta kien interrogat Silvio Zammit, huwa kien irrifjuta milli jwieġeb ħafna mill-mistoqsijiet.
Fix-xhieda tiegħu Gafà semma wkoll il-laqgħat li kellha Gayle Kimberly, avukat li allegatament kienet involuta fin-negozjati, ma’ John Dalli u Silvio Zammit.
John Dalli kien qal lill-pulizija li waqt telefonata li kellu ma’ Silvio Zammit huwa kien imwissi bl-investigazzjonijiet tal-OLAF.
Gafà qal li fil-fatt, Dalli kien jaf b’dawn l-investigazzjonijiet, qabel ma kienu bagħtu għalih l-OLAF fl-2012.
Gafà kkonkluda li wara li kien iltaqa’ mal-Avukat Ġenerali, kien ġie konkluż li Zammit u Dalli jitressqu l-Qorti b’mod separat fuq akkużi ta’ tixħim fost oħrajn.