Xehed iben Yana Mintoff Bland fil-każ kontra l-eks sieħeb ta’ ommu li attakkaha b’sikkina.
Fil-Qorti Daniel Mainwaring qal li fil-ħin tal-inċident is-sieħeb ta’ ommu ma deherx li kien ferut.
Filwaqt li spjega li rah għal ftit ħin wara li semma’ lil ommu, argumenta li kieku kellu ħames feriti kien jintebaħ, għalkemm ma jistax jitkellem b’ċertezza.
“Ġrejt fil-kamra, tani daqqa ta’ sikkina u tlaqt,” qal fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud filwaqt li kien qed iwieġeb id-domandi tal-avukat difensur tar-RumenGheorghe Popa.
Popa qed ikun akkużat li attakka lill-omm u lil binha.
L-esperti forensiċi qallu li hemm possibilita’ kbira li l-feriti fuq l-allegat agressur, li nstab moħbi f’siġra Ħal Tarxien, ikkawżahom lilu nnifsu hu stess. Ix-xhud iddeskriva lill-akkużat bħala instabbli u verbalment agressiv.
Uffiċjal tax-xena tad-delitt xehed kif huwa ħa kampjuni tad-demm mit-taraġ iżda mhux mill-kamra tas-sodda. Huwa għarraf li għandu bżonn l-awtorizazzjoni sabiex jagħmel dan.
Il-każ ġie aġġornat għall-Settembru fejn x-xhieda tal-esperti forensiċi u l-eżami tagħhom iġġib fi tmiemu l-kumpilazzjoni tal-evidenza.