Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddiskuta rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li fih qal li 18-il Ministru u Segretarju Parlamentari kisru l-etika għax għamlu materjal informattiv bi ħlas fil-gazzetta KullĦadd.
Il-Kumitat sejjaħ lill-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, biex jixhed fuq ir-rapport li kiteb, bid-deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra jagħmlu l-interventi tagħhom.
Għall-bidu d-deputati tal-Partit Nazzjonalista ma dehrux interessati li jagħmlu d-domandi. Minflok, riedu jmorru mill-ewwel għas-sanzjonijiet u hawn kienet ċara mill-ewwel il-pożizzjoni tal-membri tal-Gvern.
Il-Ministru Jonathan Attard qal: “Li nibdew bis-sanzjonijiet qabel jibda r-rapport juri kemm dan ir-rapport huwa wieħed preġudikat.”
Eventwalment, tul is-smigħ, kienu diversi l-punti li tqajmu. Fost l-oħrajn, il-Kummissarju George Hyzler ġie mistoqsi jekk kienx iċċekkja dwar jekk, fl-okkażjoni tas-sentejn mit-tmexxija ta’ Gvern ġdid, kienx hemm gazzetti oħra li talbu biex jagħmlu suppliment tal-istess tip. Il-membri tal-Gvern argumentaw li huwa hekk li wieħed jista’ jgħid kienx hemm diskriminazzjoni ma’ mezzi oħra tal-midja. Il-Kummissarju għall-Istandards qal li ma ċċekkjax.
Il-Kummissarju kontinwament insista li m’għandux ikun hemm ritratti ta’ Ministri fir-reklamar, iżda l-membri tal-Gvern insistew li hu obbligu tal-Gvern li jagħmel dan it-tip ta’ tagħrif, bil-Kummissarju jgħid ukoll li ma daħalx fil-kontenut. “Fir-rapport tiegħi ma kkritikajtx il-kontenut,” qal Hyzler.
Il-membri tal-gvern spjegaw iktar kif dak li deher f’dan is-suppliment kien meqjus u saħansitra f’kuntest. Saħansitra anke r-ritratti jimmarkaw avveniment, kif spjega fit-tul is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
Għal diversi drabi l-Kummissarju Hyzler enfasizza li wieħed jista’ jbiddel il-linji gwida li għamel hu u saħansitra sostna li l-Kummissarju qed ikun fl-għama.
“Tistgħu tagħtu ċerti direzzjonijiet lill-Kummissarju. Għadha qatt ma saret. Il-Kummissarju qiegħed fl-għama,” qal Hyzler.
Tul il-kumitat kollu d-deputati tal-Gvern staqsew fuq l-opinjoni soġġettiva tal-Kummissarju, u għal iktar minn darba l-Kummissarju reġa’ sostna li jistgħu ma jaqblux miegħu.
“Jien nissuġerixxi nista’; intom tiddeċiedu… Jekk ma taqblux, nassigurak li mhux se nibqa’ mqajjem bil-lejl,” temm jgħid Hyzler.