Fil-kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, il-Ħamis filgħodu quddiem l-Imħallef Doreen Clarke, xehdu Dr Massimo Vella u Aldo Vella.
Ħu u missier il-Maġistrat Gabriella Vella, li skont ix-xhieda ta’ ftit tal-ġimgħat ilu minn Dr Muscat, għamlu kummenti fuq l-istess materja u suġġetti li kienet qed tinvestiga l-istess Maġistrat b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dr Muscat fetaħ din il-kawża biex il-Maġistrat Vella tirrikuża ruħha mill-inkjesta maġisterjali dwar il-Vitals.
Quddiem mistoqsijiet mill-Avukat Charlon Gouder, f’isem Dr Muscat, ħu l-Maġistrat inkwirenti ma kienx kapaċi jgħid jekk jafx li oħtu, jiġifieri l-Maġistrat Gabriella Vella, hux qed tinvestiga l-inkjesta fil-konfront ta’ Dr Muscat.
Dan wara kumment li kiteb fuq Facebook taħt post mill-Avukat Anna Mallia wara s-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lill-Vitals.
Mistoqsi wkoll minn Dr Gouder, jekk kienx jaf meta l-kuntratt tal-isptarijiet kien iffirmat u minn min, ħu l-Maġistrat inkwirenti kien evażiv hekk kif qal li dwar il-materja inkwistjoni kien jaf biss dak li ntqal u nkiteb fid-dominju pubbliku.
Madankollu meta mistoqsi jekk jafx taħt liema amministrazzjoni ġie ffirmat dan il-kuntratt, Dr Vella tenna li jaħseb li dan sar taħt l-amministrazzjoni meta Joseph Muscat kien Prim Ministru.
Wara ħu l-Maġistrata, kien imiss jixhed ukoll missierha, Dr Aldo Vella, li kkonferma li għamel likes u saħansitra xerred posts ta’ Facebook b’rabta ma’ protesta. Hu kkonferma wkoll li jaf li t-tifla tiegħu qed tmexxi l-inkjesta tal-Vitals, madankollu tenna li qatt ma tkellem ma’ bintu dwar din l-inkjesta jew ipprova jinfluwenzaha.
Sadanittant, matul is-seduta, il-partijiet għamlu l-argumenti tagħhom dwar talba biex dokumenti mill-inkjesta maġisterjali jiġu esebiti f’din il-kawża Kostituzzjonali.
L-Imħallef Doreen Clarke laqgħet din it-talba għal numru ta’ dokumenti mitluba.