Waqt li stqarret li għad fadal ħafna xi jsir, Yvonne Mallia, Direttriċi tal-Fondazzjoni Sebħ, tenniet li l-għajnuna tal-Gvern fil-protezzjoni ta’ nisa fil-vjolenza domestika qed iħalli effett kbir fuq l-avvanz tas-soċjetà.
Id-direttriċi tal-fondazzjoni, li qed tkun ta’ kenn għal ħafna nisa u tfal li jsofru minn din il-pjaga soċjali, qalet kif l-għajnuna li qed toffri tista’ biss tkompli tingħata bis-saħħa ta’ ftehimiet li għandha mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Mallia kienet waħda minn dawk li intervjenew waqt il-laqgħa speċjali tal-Kabinett man-nies, li saret it-Tlieta f’Dar San Ġużepp, f’Santa Venera. Fil-laqgħa, numru ta’ persuni bejn professjonisti u oħrajn li gawdew mill-ħidma tal-Gvern ġew mistiedna biex jagħmlu l-interventi tagħhom.
Dakinhar, fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif il-Gvern hu impenjat biex ikompli jgħin lil kulħadd jimxi ’l quddiem.
Mallia spjegat kif ħaddiema tal-fondazzjoni jgħinu lil dawk li jirrikorru għall-appoġġ u jgħinuhom biex, ġaladarba jkunu ħielsa minn kull abbuż, ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jgħixu b’mod indipendenti.
Qalet li l-programm ‘Milja’, fl-aħħar sentejn, laqa’ 71 persuna, inklużi 41 tifel u tifla, li l-età tagħhom tvarja mit-twelid sa 19-il sena.
“Qed isir ħafna, u sar ħafna, nirrikonoxxu li kien hemm qabżiet ta’ assistenza, però tajjeb li jibqa’ jkun hemm commitment u investiment f’dan is-settur biex nibqgħu nipproteġu lin-nisa u t-tfal li jkunu għaddejjin minn dawn iż-żminijiet diffiċli ħafna.”
Id-Direttriċi u kofundatur tal-Fondazzjoni Karl Vella, Clare Chircop, ukoll esprimiet l-istess sentiment soċjali fejn qalet li huma jaħdmu mill-qrib fost it-tfal u l-adulti, li jkollhom xi sitwazzjoni ta’ mard jew telfa fil-familja u jipprovdu appoġġ psikoterapewtiku u edukattiv permezz tal-arti u d-drama, fost l-oħrajn.
Huma jgħinu wkoll b’terapija f’każi fejn ġenituri jsofru minn telfa ta’ tfal jew xi sieħeb jew sieħba, inkella fejn pazjenti jkunu se jirċievu xi kura barra minn Malta.
Chircop rrimarkat li dawn l-għajnuniet jingħataw kollha bla ħlas u għalhekk ma jkunux jistgħu jaħdmu mingħajr l-għajnuna kbira mill-Gvern, li hi kruċjali.
“Minkejja dawn l-isfidi sibna koperazzjoni sħiħa min-naħa tal-Gvern.”
“ Nixieq nirringrazzja lil dawn l-ministeri għas-sapport imprezzabbli li jagħtuna, għax kieku is-servizz ma jkunx jista’ jingħata.”
Kelliem ieħor kien Ahmed Fakri, li qal li, wara li fl-aħħar snin kellu l-vizzju tad-droga li waqqgħu lura f’ħajtu u lanqas seta’ jsib xogħol, irnexxielu jsib saqajh mill-ġdid u jerġa’ jintegra fis-soċjetà bis-saħħa ta’ programm mill-Aġenzija Sedqa.
Mindu ggradwa mill-programm ta’ rijabilitazzjoni tal-aġenzija, ħassu li kien kapaċi jerġa’ jsib lilu nnifsu mill-ġdid u anke jidħol fid-dinja tax-xogħol.
“U llum qiegħed fostkom. Nirringrazzja lil kulħadd li ħa sehem u tani dak il-parir li mxejt bih barra, ħdimt bih. llum ninsab fostkom u nirringrazzjkom minn qalbi … thank you.”
Dr Christian Camilleri, avukat li jbati minn diżabilità, irringrazzja wkoll lill-Gvern għall-għajnuna biex illum qed jgħix ħajja indipendenti, minkejja r-restrizzjonijiet u problemi li għandu.
Hu qal li dan l-appoġġ hu kruċjali biex persuna b’diżabilità, li tkun trid taħdem f’impjiegi meqjusin diffiċli, bħal dak tal-accountants, ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod faċli.
Qal ukoll li għandu jkunn hemm aktar sinerġija bejn l-edukazzjoni u x-xogħol għall-persuni b’diżabilità u idealment ikun hemm aktar min jinvesti f’impjiegi simili.
“Ibbenefikajt minn din l-iskema biex inkun nista’ ngħix ħajja iżjed indipendenti. Illum qiegħed hawnhekk ukoll.”