Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ħames persuni li jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia.
Il-ħames persuni mixlija bil-qtil involontarju taż-żagħżugħ f’Diċembru tas-sena li għaddiet huma l-Perit tal-proġett, Adriana Zammit, il-kuntratturi Matthew Joseph Schembri u Kurt Buhagiar, flimkien mal-iżviluppaturi Milomir Jovicevic u martu Dijana.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, li ta rendikont tal-operazzjoni delikata ta’ salvataġġ, li wasslet biex instab il-katavru ta’ Sofia.
Fix-xhieda tiegħu, Coleiro spjega li d-Dipartiment uża drones u klieb, minħabba sogru li l-bqija tal-istruttura tiġġarraf ukoll. Dan fi sforz biex jiġi identifikat il-post eżatt fejn kien Sofia qalb it-terrapien tal-kostruzzjoni.
Coleiro żied jgħid li diversi esperti kkonsultaw miegħu li l-bqija tal-istruttura setgħet iċċedi wkoll. Filfatt hu spjega li kien hemm ħajt dobblu mhux imqabbad u bir-riħ beda jara l-ħajt iperper.
Id-Direttur Ġenerali qal li aktar tard ġie lokalizzat Sofia, li kien l-aktar punt ’il bogħod mill-uffiċjali u kien jinsab fl-aktar punt perikoluż fl-operazzjoni.