Mara li wieġbet li mhix ħatja li ffrodat mal-erbgħin persuna s-somma ta’ madwar nofs miljun ewro b’rabta ma’ skema fittizja tal-housing, ingħatat il-ħelsien mill-arrest, wara li xehdu aktar persuni, allegatament vittmi.
Il-Prosekuzzjoni qed tallega li l-mara, fattiga ta’ tnejn u erbgħin sena minn Santa Venera, serqet mijiet ta’ eluf ta’ ewro minħand il-vittmi tagħha, wara li ngannathom biex jagħtuha depożiti ta’ flus fuq proprjetà li qaltilhom li kienet se tikseb bi prezz irħis permezz ta’ skema tal-Gvern.
Waħda mix-xhieda, li għandha ħanut, qalet li minbarra li kienet iffrodata fuq residenza, l-imputata wegħditha li kienet se tbigħhilha numru konsiderevoli ta’ logħob tal-PlayStation.
Minkejja li tagħtha d-depożitu, dan il-logħob qatt ma wasal.
Ix-xhieda kollha qalu li kienu jafu lill-akkużata bħala Sue Borg.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ għoxrin elf ewro u garanzija personali ta’ tletin elf oħra.