Minn batteriji użati jixgħel id-dar kollha.
Ħafna jaħsbu li batteriji użati huma tajbin biss biex jiġu riċiklati, però dan mhux minnu.
Xhieda ta’ dan huwa Roderick Bugeja, perit, li minn meta kien żgħir kien jaffaxxina ruħu b’affarijiet elettroniċi, tant li llum irnexxielu jibni sistema ta’ dawl li tiġġenera enerġija għad-dar kollha u li hija magħmula mill-batteriji użati.
Crew ta’ ONE News ġietu kurżità u wasal wasla sad-dar tiegħu fl-Imġarr.
Roderick uriena l-apparat kollu li juża biex l-ewwel jittestja batteriji komuni li jġib minn apparat elettroniku u jara jaħdmux jew le.
Minn hemm il-batteriji tal-istess vultaġġ jitpoġġew għalihom u jibda l-proċess biex jiġġeneraw id-dawl.
Interessanti li wieħed jinnota kif dak kollu li juża Roderick, huwa magħmul bl-idejn, u tgħallem kollox minn vidjows li jara.
Mal-mikrofonu tagħna, Roderick qal kif tmien snin ilu nibtet din il-ħajra fih li mhux biss juża l-batteriji għal affarijiet żgħar bħal speakers u torches imma ried jespandi dan il-passatemp għal xi ħaġa li hija sostennibli u li trendi l-qliegħ.
Qal, “Tmien snin ilu kont qed nara Youtube Channel u ovjament ħajjarni għax kienet idea interessanti ħafna ovjament li toħloq xi ħaġa jew tixgħel id-dar billi tuża skart la Maltija hija xi ħaġa sabiħa u ovjament bil-mod il-mod bdejna nġemmgħu il-batteries u bdejna nittestjawhom, bdejt nitgħallem ukoll fil-proċess u sakemm wasalna f’dan il-punt.”
B’iktar minn tliet elef u mitejn batterija warajh, Roderick Bugeja spjega l-proċess ta’ kif taħdem din is-sistema.
Fuq il-bejt huwa għandu 24 pannella li tiġġenera d-dawl bix-xemx.
Dawn jiċċarġjaw il-batteriji u b’hekk jiġġeneraw id-dawl fid-dar.
Qal, “Bażikament il-pannelli jiġġeneraw id-dawl, għandna inverter wara dan il-ħajt li jaqleb id-dawl tal-panelli biex jiċċarġja l-batteries imbagħad bid-dawl tal-batteries ovjament neqilbuh lura għad-dar. Iġifieri bażikament from dc to ac.
B’din is-sistema, Roderick huwa indipendenti mild-dawl tal-Gvern b’enerġija sostennibli, ħlief ftit fix-xitwa meta t-temp ma jkunx jippermetti.
Spjega wkoll li bl-ammont ta’ enerġija li jipproduċi, jagħti lura tliet elef u sitt mitt kilowatt ta’ dawl lura lill-Gvern. Dan huwa l-massimu ta’ dawl li dar tista’ tagħti lura minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Stqarr, “Bħalissa qegħdin fully indipendent mill-Gvern jew hawn min isibha wkoll bħala offgrid system, bħalissa ilna qisu minn Mejju u sa issa. Ovjament fiż-żmien tax-xitwa peress li ix-xemx tibda tnaqqas u l-ġurnata tkun iqsar neqilbu ġeneralment 12 hours fuq batteries u 12 hours fuq il-Gvern.”
Sadanittant, Roderick uriena wkoll quadbike li rrinova hu stess biex jiġi wieħed elettroniku. Avolja l-proċess kien wieħed daqsxejn rigoruż, issa dan il-quadbike jaħdem ukoll bil-batteriji u ma jiġġenera l-ebda emmissjonijet fl-arja. Qalilna li iktar kemm jgħaddi żmien, dan il-proċess qed isir aktar komuni però trid tħalli ż-żmien jgħaddi biex tibda tara l-frott ta’ dak li tkun bnejt.
Fl-aħħar il-Perit Bugeja temm jgħid li l-ħolma ta’ ħajtu hija li meta jkollu d-dar personali tiegħu, irid li jkun kompletament indipendenti mill-Gvern però l-isfida hija akbar biex jibni sistema aktar kbira u effiċjenti.
Temm jgħid, “Ovjament il-pjan f’moħħi huwa fl-aħħar mill-aħħar ikolli d-dar tiegħi ħa nkun qiegħed ukoll totally imma offgrid mhux partially off grid iġifieri u ovjament biex inkun hemm ovjament is-sistema trid tkun naqra ikbar biex inti kemm jista’ jkun qatt ma tnaqqas il-batteries sa 0%.”