Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, permezz tar-rappreżentant tiegħu fl-Awtorità tal-Ippjanar ivvota favur il-politika dwar il-high-rises. Inutli issa jipprova jitkellem mod ieħor. Dan saħqu l-Partit Laburista fi stqarrija.
“Saħansitra meta kien Deputat Kap tal-PN qabel l-elezzjoni li għaddiet, il-Gvern li minnu kien jagħmel parti kien lest jaċċetta l-istess high-rise, fit-Townsquare f’Tas-Sliema.”
Il-Partit Laburista saħaq li din is-sitwazzjoni tixbaħ ħafna meta Simon Busuttil ħareġ kontra investiment sostenibbli fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta fl-edukazzjoni u tkellem kontra żvilupp fl-ODZ. Imbagħad mal-ewwel ċans li kellu ried jiekol art ODZ f’Birżebbuġa fi żvilupp li mhuwiex sostenibbli.
“Dak li jiġrilu Kap ta’ partit li ma għandux direzzjoni u li lanqas jemmnuh in-nies ta’ madwaru stess. Din hija attitudni ta’ min jagħmel parti minn establishment politiku li ħsiebu biss biex jaħtaf il-poter u jerġa’ jagħmel daqs jew agħar milli kien jagħmel qabel,” temm jgħid il-Partit Laburista.