Tard it-Tlieta filgħaxija, faqqset it-tieni bejta tal-fkieren fir-Ramla tal-Mixquqa, f’Għajn Tuffieħa.
B’kollox, din il-bejta pproduċiet 35 wild, madankollu l-bejta se tibqa’ tiġi ssorveljata matul il-jiem u l-iljieli li ġejjin sakemm ifaqqas il-bajd kollu.
Din il-bejta, li oriġinarjament instabet fil-Bajja biswit ta’ Għajn Tuffieħa, kellha tiġi trasferita għall-Mixquqa peress li kienet viċin wisq tal-baħar u f’riskju li tintilef.
B’kollox, din is-sena, ġew irreġistrati rekord ta’ tmin bejtiet fuq ix-xtut ta’ pajjiżna, b’nofshom li saru mill-istess żewġt ifkieren. Il-ġimgħa li għaddiet faqqset l-ewwel waħda minn dawn il-bejtiet u minnha twieldu 44 fekruna.